Il-Gvern jiċħad li kellu x’jaqsam mal-attakk fuq il-blogg ta’ Delia

Il-Gvern ċaħad li kellu x'jaqsam mal-allegat cyber attack fuq il-sit tal-blogger Manuel Delia. 
Minħabba li ma’ ġurnali oħra Delia allega li l-attakk kien iffinanzjat mill-Gvern, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-kelliem tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Aktar tard, fi stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern ċaħad bil-qawwa kollha kwalunkwe involviment fuq l-allegat cyber attack.
L-istqarrija tgħid li l-allegazzjoni li Delia qal li l-Gvern kien wara dan l-attakk hija "totalment infondata".
Il-blogg tiegħu waqaf għal aktar minn 24 siegħa wara li ġie attakkat darbtejn minn DDoS.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-Ħadd daħal rapport dwar każ relatat ma’ cyber crime fl-Għassa taż-Żurrieq. Dan ġie kkonfermat minn Delia stess, li żied jgħid li l-Ħamis irrapporta wkoll l-ewwel każ direttament mas-Cyber Crime.
Fiż-żewġ każijiet, Delia qal li qatt ma rċieva tweġiba lura mingħand il-Pulizija.
Delia jqabbel l-attakk fuq il-blogg tiegħu ma’ dak fuq ta’ Daphne
Il-blogger Manuel Delia qabbel l-attakk fuq il-blogg tiegħu, ma’ dak fuq il-blogg tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Manuel Delia qal ma’ Newsbook.com.mt li dan “kien attakk fuq sit amministrat minn persuna weħidha, bħalma kienet Daphne”.
Is-sit għamel iktar minn 24 siegħa mitfi bejn l-ewwel attakk ta’ ħames sigħat li seħħ il-Ħamis 16 ta’ Mejju u fit-tieni attakk li seħħ bejn is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd waranofsinhar.
Spjega li dan sar “aktarx għax persuna weħidha ma tkunx tista' tiflaħ tħallas għall-ispejjeż żejda biex tipproteġi s-sit minn dawn l-attakki u allura l-ġurnaliżmu indipendenti jiskot minħabba li dak li jkun ma jkunx jiflaħ iħallas l-ispejjeż għalih”.