Delia jiżvela rapport dwar l-isptarijiet; “Abela għandu jieħu passi minnufih”

Aġġornat 08:27 AM
PN

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum żvela rapport tal-evalwazzjoni tal-procurement dwar il-bejgħ tal-isptarijiet Maltin. Qal li r-rapport juri li Abela għandu jieħu passi fuqu minnufih.

Delia qal lil Newsbook.com.mt li l-Vitals Global Health Care (VGH) ingħataw il-faċilità li jekk ma jkollhomx l-abilità li jkomplu bil-proġett jgħażlu lil ħaddieħor biex jieħu ħsieb hu.

Delia staqsa kemm daħħlu flus il-VGH permezz ta’ dan it-trasferiment lil Steward Healthcare. Delia qal li l-VGH ma nefqu xejn imma l-Gvern kien wiegħed li jħallashom il-mijiet tal-miljuni fuq medda ta’ snin.

Delia qal li kiseb id-dokument mill-Qorti permezz tal-kawża li fetaħ biex l-isptarijiet li issa qegħdin f’idejn Steward Healthcare jerġgħu jingħataw lura lill-pubbliku. Fil-Qorti tela’ jixhed l-Inġinier James Camenzuli. Dan kien iċ-Chairperson tal-kumitat li ħejja l-procurement evaluation report. Camenzuli esebixxa dan ir-rapport bħala parti mix-xhieda tiegħu.

Adrian Delia qal li llum qed jippubblika dan ir-rapport li l-Gvern, il-Prim Ministru, u l-Avukat Ġenerali xtaqu li jibqa’ moħbi. Delia spjega li ppubblika kopja sħiħa tar-rapport mingħajr partijiet ingassati “kif iħobb jagħmel il-Gvern.” Saħaq li r-rapport kien qed jitkellem dwar il-flus tal-familji Maltin.

Skont Delia, jekk Robert Abela jaqra r-rapport jintebaħ li jrid jieħu passi minnufih. Delia qal li dan huwa każ ta’ flus li qed jinsterqu.

Nexia BT involuti – Delia

Delia żvela li l-faċċata tar-rapport turi l-involviment tal-kumpanija Nexia BT.

Manuel Castagna

Ir-rapport jindika li Manuel Castagna kien membru tal-kumitat tal-evalwazzjoni. Delia spjega li Castagna huwa wieħed mill-imsieħba fil-kumpanija ta’ Brian Tonna, Nexia BT.

Miljuni fuq miljuni

Delia qal li fuq medda ta’ snin kellhom jintefqu mal-€180 miljun. Qal li dan kellu jkun Public Private Partnership (PPP) – jiġifieri l-Gvern joħroġ xi ħaġa tal-investiment u l-investitur privat joħroġ xi ħaġa tal-flus huwa wkoll.

Delia qal li bejn l-2015 u l-2016 in-nefqa fuq tliet sptarijiet żdiedet b’€20 miljun. Imbagħad fis-sena ta’ wara żdiedet b’€40 miljun, wara b’€40 miljun oħra, sakemm fl-2019 iż-żieda kellha tkun ta’ €50 miljun.

“Issa nafu li Muscat qed jinsisti għal dawn in-nies biex intuhom aktar flus,” qal Delia. “Ma tawna xejn u aħna qed inħalsuhom.”

Delia saħaq li kull min hu marbut ma’ dan il-kuntratt qed iġorr responsabilità kbira.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal Delia, il-Gvern qal li “jtenni mill-ġdid il-kummenti li ta l-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu, li d-deċiżjonijiet se jittieħdu dejjem fl-aħjar interess nazzjonali.”

Skont il-Gvern “hi prijorità fil-qasam tas-saħħa li pajjiżna jkollu l-iktar faċilitajiet moderni fl-ispartijiet San Luqa, Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, wara li dawn tħallew abbandunati minn amministrazzjoni preċedenti qabel l-2013.”

Il-Gvern akkuża lil Delia li “jiddiletta f’konferenzi tal-aħbarijiet negattivi”.

Nistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet – Manuel Castagna

F’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet, Manuel Castagna qal li l-kumitat tal-evalwazzjoni kellu janalizza l-bids li ġew preżentati, inkluż il-projezzjonijiet finanzjarji hekk kif ġew ippreżentati mill-bidders.

Castagna qal li żewġ bids ma kienux konformi mal-RfP  u għalhekk ma setgħux jiġu evalwati.

Żied jgħid li d-deċiżjoni biex jirrakkomandaw il-bidder preferut ittieħdet b’mod unanimu mill-membri kollha tal-kumitat.

“Il-kumitat tal-evalwazzjoni ma kienx inkarigat mill-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-bidder preferut u l-kumitat lanqas ma kellu xi responsabilitajiet biex jgħasses fuq xi ħaġa, inkluż jekk il-bidder iżommx mal-projezzjonijiet finanzjarji,” qal Castagna.

Temm jgħid li jistenna l-eżitu tal-investigazzjoni li qed issir mill-Qorti.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ hawn: