Delia jitlob lil PM biex jippubblika l-pariri mediċi

DOI - Jsason Borg

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia talab lill-Prim Ministru Robert Abela biex ma jibqax jinjora l-Parlament u jippublika l-pariri mediċi li kellu biex jillaxka l-miżuri għal dak li hu sejjaħ in-normalità. 

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-estimi u nfiq tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà, Delia qal li “qed jesiġi mal-Prim Ministru biex jippubblika l-pariri li qed jieħu ħalli l-poplu jkollu moħħu mistrieħ li qed jimxi fuq evidenza tax-xjenza u fatt u mhux fuq dak li qed jgħidulu sħabu li reġgħu feġġew.” 

“Aħna rridu jmorru lura għan-normalità iżda dan irriduh għax ikollna s-serħan tal-moħħ iżda mhux b’għaġġla,” stqarr Delia.

Hu qal għal Prim Ministru l-parlament mhux meqjus bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż biex jiġi jiddibatti u jiddiskuti t-temi li l-aktar jolqtu mill-qrib lin-nies. 

Huwa qal li kull darba li l-awtoritajiet tas-Saħħa tkellmu, l-Prim Ministru minnufiħ waqqgħalhom kliemhom. “Kull darba li tkellmu dwar kawtela, l-Prim Ministru ħareġ iħeġġeġ għal aktar għaġġla. Meta l-awtoritajiet ħarġu jgħidu li nista’ jkun li għad fadal iktar mewġ, il-Prim Ministru ħareġ jgħid li l-mewġ qiegħed fil-baħar,” Delia spjega.

Delia qal kien hemm numru kbir ta’ unjins u organizazzjonijiet li ħarġu jikkritikaw l-istqarrijia li għamel riċentement il-Prim Ministru meta ħabbar l-amnestiji u r-rilaxxar tal-miżuri li ttieħdu matul l-aħħar xhur,

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li l-Kamra tal-Ispiżjara qalet li l-amnestiji kienu dan insult kbir lejn l-ispiżjara li rriskaw ħajjithom u lejn il-poplu Malti. Bl-istess mod, il-Union tal-Infermiera qalet li d-diskors tal-Prim Ministru kien xokkanti u traskurat. L-MEA qalet li ma qabiltx mal-gvern dwar il-maħfra. L- Assoċjazzjoni tal-Psikjatriċi qalet li l-Prim Ministru ma mexiex mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa; propju meta l-pajjiż jinsab f’emerġenza tas-saħħa.Delia kompla li anki l-Assoċjazzjoni Medika appellat biex il-poplu jisma’ mit-tobba. Il-Police Officers Union qalet li l-maħfra hi insult lill-poplu u l-Għaqda tal-Professjonisti fis-Saħħa appellat biex il-gvern jippubblika l-istrateġija u l-pariri li għandu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn