Delia jitlob lil Hyzler jinvestiga l-btala f’Dubaj; “Lest nikkollabora” – PM

Aġġornat 05:35 PM

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kiteb lill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler biex jinvestiga jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat kisirx il-Kodiċi tal-Etika meta siefer Dubaj u ma tax rendikont jew spjegazzjoni ta’ kif tħallset din is-safra, li skont rapporti fil-midja tlaħħaq mal-€20,000. Il-Kap Interim tal-Partit Demokratiku Timothy Alden qal li wara li lbieraħ kiteb lill-Kummissarju hu stess, bdiet l-investigazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li m’għandu l-ebda problema jikkollabora mal-Kummissarju.

Fl-ittra tiegħu, Delia kiteb li jixtieq li ssir investigazzjoni dwar jekk il-Prim Ministru kisirx il-Kodiċi tal-Etika tal-membri tal-Kamra tad-Deputati u/jew il-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari b’dan il-vjaġġ.

Timothy Alden ukoll kiteb lil Hyzler biex jinvestiga l-vjaġġi ta’ Muscat, ladarba il-kont bankarju ta’ Muscat jidher li baqa’ bl-istess bilanċ li kellu fl-2014. Qal li huwa rċieva konferma li t-talba tiegħu waslet għand il-Kummissarju, u li l-investigazzjoni għaddejja.

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru, Joseph Muscat siefer fuq titjira first-class tal-Emirates Airlines għal btala ta’ tlitt ijiem lejn Dubaj ma’ familt. Meta kien mistoqsi mill-ġurnalist ta’ The Times biex jagħti spjegazzjoni ta’ din it-titjira li swiet eluf kbar, il-Prim Ministru wieġeb li mhux biċċa tiegħu. Aktar tard is-sit elettroniku The Shift News irrapporta kif il-biljetti għal din it-titjira nxtraw mill-Ġordan.

Delia qal li jinsab dispost li jgħin u jikkollabora mal-Kummissarju George Hyzler matul l-investigazzjoni dwar din il-btala tal-Prim Ministru.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ftit wara, Joseph Muscat qal li l-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni mibnija fuq “spekulazzjonijiet u suppożizzjonijiet.” Il-PM qal li Delia jgħaġġel biex jitlob investigazzjonijiet dwar ħaddieħor, “iżda baqa’ ma talabx investigazzjoni dwaru nnifsu meta għadu ffaċċjat b’allegazzjonijiet gravi bħal ħasil ta’ flus.”