Delia jitlob lil Bartolo jagħmel stqarrija dwar iż-żjara fil-Libja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia reġa’ nsista li l-Gvern għandu jagħmel stqarrija dwar iż-żjara riċenti fil-Libja.

Għat-tieni jum konsekuttiv, Delia talab jekk kinitx se ssir stqarrija minn xi ħadd min-naħa tal-Gvern dwar dak li ġie diskuss u maqbul tul il-laqgħa fil-Libja.

Ilbieraħ wara l-ħin tal-mistoqsijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Ispeaker biex jistaqsi lin-naħa tal-Gvern jekk kienx hemm stqarrija ministerjali dwar iż-żjara  tal-Prim Ministru, tal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo fil-Libja. Huwa qal li ftit ħarġet informazzjoni dwar din iż-żjara għajr li se jinfetħu xi ċentri ta’ akkoljenza għall-immigranti fil-Libja stess. Il-whip Laburista Glenn Bedingfield informa lill-Ispeaker li l-Gvern ma kellu l-ebda stqarrija x’jagħmel.

Fis-seduta tat-Tlieta, hekk kif lemaħ dieħel lill-Ministru Bartolo, Delia staqsieh jekk kienx beħsiebu jagħmel stqarrija ministerjali fil-konfront taż-żjara fil-Libja l-Ħamis li għadda.

“Kif taf din hi xi ħaġa ta’ interess nazzjonali bi tliet dgħajjes fuq il-baħar b’mijiet ta’ persuni li qegħdin bejn sema u ilma. Dalgħodu kellna rvellijiet oħrajn fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa u l-preokkupazzjoni qed tikber,” hu spjega.

Delia qal li l-Oppożizzjoni trid tkun taf jekk hux beħsiebu jgħid xi ħaġa dwar il-ftehim li għamel.

“Jekk hux ftehim li jorbot, jekk hux wieħed temporanju jew proviżorju. Jekk hux wieħed li kif intqal li qed jistipula li se jinfetħu xi ċentri fil-Libja u f’Malta. X’inhuma l-obbligi u l-ftehim,” spiċċa jgħid Delia.