Illum il-Parlament jiddiskuti t-traġedja fil-Ħamrun

Aġġornat 03:27 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Illum il-Kamra tad-Deputati se tkun qed tiddiskuti t-traġedja li seħħet ilbieraħ fil-Ħamrun. Dan ikkonfermah l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia permezz ta’ stqarrija bir-risposta mibgħuta lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Aktar kmieni llum, Delia qal li kiteb lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati sabiex is-suġġetti li kellhom jiġu diskussi fis-seduta Parlamentari tal-lum jiġu sospiżi. Hu talab sabiex id-diskussjoni tal-Membri Parlamentari tiffoka fuq it-traġedja imbagħad tingħalaq bħala sinjal ta’ rispett. Dan wara t-traġedja tal-bieraħ fil-Ħamrun, wara li bini ieħor iġġarraf maġenb sit ta’ kostruzzjoni u din id-darba ħasad il-ħajja ta’ omm ta’ 54 sena.

Fir-risposta tiegħu lil Delia, Farrugia qal li ntlaħaq ftehim li fis-seduta tal-lejla, minnufih wara l-konferma tal-minuti, il-Kamra se tgħaddi mill-ewwel għat-tqegħid tal-karti bil-ħin tal-mistoqsijiet ma jitteħidx u jsiru biss stqarrijiet mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni f’ordni li jiġi verbalizzat fil-bidu tas-Seduta.

Il-Kamra mbagħad mistennija taġġorna b’sinjal ta’ rispett għal Miriam Pace li tilfet ħajjitha fit-traġedja li seħħet ilbieraħ 2 ta’ Marzu 2020.

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bl-għajta “Ma nistgħux nitilfu aktar ħajjiet, Daqshekk kliem, azzjoni minnufih”. F’din l-istqarrija, Dr Delia qal li jqis li f’mument daqstant delikat il-Parlament għandu jibgħat sinjal b’saħħtu, li “r-rappreżentanti tal-poplu lesti li jieħdu din it-traġedja bl-ikbar serjetà, u li jiddaħħlu riformi veri għas-sigurtà u s-serħan tal-moħħ tan-nies iżda wkoll li jkun hemm infurzar serju, multi u pieni ħorox għal min jabbuża”.

Bħalissa hemm erba’ persuni taħt arrest b’rabta mat-tiġrif.

Għall-ħabta tas-2.15pm ilbieraħ, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku.

Bdiet ħidma immedjata biex tiġi salvata mara maqbuda qalb t-tifrik tad-dar li waqgħet. Kelb tas-Sezzjoni K-9 tal-Protezzjoni Ċivili, imħarreġ apposta biex ifittex qalb bini mwaqqa’, indika post qalb it-tifrik fejn setgħet kienet il-mara. Kienu għall-ħabta tal-9.55pm, x’ħin instab il-katavru tal-mara. Wara li l-kadavru nħareġ, ittieħed fil-Kamra Mortwarja ta’ Mater Dei.

Protesta nhar is-Sibt

Intant, Moviment Graffitti ħabbar li nhar is-Sibt se tkun qed issir protesta kontra “l-ħakma tal-iżviluppaturi”. Permezz ta’ post fuq Facebook, Moviment Graffitti qal li din il-protesta se ssir f’isem Miriam Pace, f’isem Maggie Smith, f’isem il-famili l-oħra li tilfu djarhom is-sena l-oħra u f’isem il-ħaddiema kollha li mietu fis-siti tal-kostruzzjoni.

IS-SIBT – PROTESTA KONTRA L-ĦAKMA TAL-IŻVILUPPATURIMiriam Pace, 54 sena, maqtula f'darha mill-industrija…

Posted by Moviment Graffitti on Monday, March 2, 2020