“Jekk trid tagħmel stqarrija ministerjali irbaħ l-elezzjoni”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab għal stqarrija ministerjali dwar l-ittra ġudizjarja li ddepożita fil-Qorti, l-ex-deputat Kap tal-Partit Laburista Joe Brincat dwar ħlas eċċezzjonali (golden handshake) li ngħata impjegat biex iħalli l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-MFSA.

Delia spjega li l-ittra uffiċjali daħlet fil-qrati fis-16 ta’ Settembru fejn Brincat li hu membru tal-bord tal-MFSA qed joġġezzjona għal dan l-arrangjament li sar mill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA, fejn allega li attività kriminali.

Il-Whip tal-Gvern Byron Camillieri qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab imsiefer fuq xogħol tal-Gvern u jekk Delia jrid jagħmel stqarrija ministerjali l-ewwel għandu jirbaħ l-elezzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-arroganza mhix sinjal ta’ saħħa kif iridna naħsbu l-Gvern iżda dgħufija u deterjorazzjoni. Il-PN qal li n-nies jistħoqqilhom aħjar.