Aġġornata: Delia jistaqsi liema bank f’Malta kien joffri servizzi lil Pilatus Bank

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Prim Ministru jgħid min huwa l-bank korrispondent ewlieni f’Malta tal-Bank Pilatus u jekk kienx hemm pressjoni interna jew esterna fil-proċess ta’ diliġenza li kull bank obbligat jagħmel.
Adrian Delia staqsa jekk dan il-bank kienx il-Bank of Valletta jew bank ieħor Malti, waqt li staqsa wkoll jekk l-istess proċess tad-due diligence falliex jew le.
Qal li qed iressaq dawn il-mistoqsijiet biex jara jekk kienx hemm irregolaritajiet f’dan il-proċess, fosthom jekk kienx hemm influwenza minn xi diriġent tal-Bank, minn xi politiku jew minn xi awtorità istituzzjonali.
Il-Kap Nazzjonalista kompla jgħid li qed iressaq dawn il-mistoqsijiet f’isem il-poplu u sostna li l-Ministru għall-Finanzi u l-Prim Ministru għandhom l-obbligu li jwieġbu fl-iqsar żmien possibbli.
Qal li dawn it-tweġibiet huma kruċjali għax din il-kwistjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Malta, u tolqot direttament ir-reputazzjoni tas-settur finanzjarju f’Malta.
Adrian Delia stieden ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jingħaqad miegħu fil-każ kontra l-Vitals biex it-tliet sptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jingħataw lura lin-nies.
Fl-aħħar nett, tkellem dwar id-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-każ ta' Strada Zekka u qal li l-Partit Nazzjonalista kuntent għaliex in-nies rebħu fuq interessi oħra.
L-interess tan-nies ħarsu biss Joseph Muscat – Partit Laburista
Sadanittant, il-Partit Laburista ħareġ stqarrija jwieġeblill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar dak li kien għadu kif qal fuq it-televixin.
Il-PL sostna li l-interess tal-poplu ħarsu biss Joseph Muscat, u li kieku l-Prim Ministru sema’ mill-Partit Nazzjonalista ma kienx imur il-Qorti u jġib il-proprjetà fi Triq Zekka l-Belt lura għand il-poplu Malti.
Żied jgħid li aktar minn hekk, Muscat mhux jistenna lil Adrian Delia biex jagħti lin-nies l-isptarijiet San Luqa, dak ġenerali ta’ Għawdex u Karin Grech. Qal li l-proġett ma’ Steward Healthcare hu maħsub proprju għalhekk.
"L-uniku differenza hi li l-PN ta u jrid jagħti sptarijiet magħluqin jew b’livell medjokri, filwaqt li Muscat irid jagħti lin-nies sptarijiet tal-ogħla livell li joffru kura b’xejn",irrimarka l-PL.
Temm jgħid li jekk hawn xi ħadd li qed jisraq lill-poplu Malti hu dak li ma jħallasx it-taxxa, b'referenza għat-taxxi mhux imħallsa ta' Delia.