Filmat: Ir-riforma fil-PN tinkludi riforma politika – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-riforma fi ħdanu qed issir fuq żewġ partijiet, dik strutturali amministrattiva u dik politika. Fost l-eżempji li semma li l-PN irid jiddeċidi dwarhom hemm jekk ir-reliġjon għandhiex tibqa’ fil-Kostituzzjoni fl-isfond tar-riforma Kostituzzjonali u anki dwar l-Intelliġenza Artifijali.

Huwa kien qed jitkellem dwar ir-riforma li qed titmexxa minn Louis Galea fejn qal li issa se tibda t-tieni fażi fejn il-PN jrid jgħarbel dak li qed jiġi propost.

Dwar ir-riforma fil-politika li jħaddan il-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li dan ma jfissirx li mill-blu jaqleb għall-aħmar iżda fisser li r-realtajiet tan-nies tal-lum inbiddlu u l-partit irid jibqa’ relevanti.

Hawnhekk huwa tkellem ukoll dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u qal li dwar dan il-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċiedi x’se tkun il-politika tiegħu. Hawnhekk staqsa wkoll jekk ir-reliġjon għandhiex tibqa’ fil-Kostituzzjoni.

Qal li l-Partit irid ikollu l-abbiltà li jikkomunika l-messaġġ. Semma kif fil-midja soċjali qed issir ħsara meta l-messaġġ tal-Partit jittieħed u jiġi trasmess b’mod differenti.

Għall-mistoqsija dwar il-fatt li l-Eżekuttiv tal-PN estenda t-terminu tiegħu stess, Delia qal li kien loġiku li l-elezzjonijiet interni jsiru wara li r-riforma tiġi diskussa u jibda jidħol fis-seħħ it-tiġdid propost.

Fl-intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia faħħar liż-żgħażagħ li ġabu bidla f’Malta minħabba l-insistenza tagħhom li l-Gvern jiddikjara stat ta’ emerġenza fil-klima.

Dwar l-appovazzjoni tal-permess għall-bini ta’ villa f’nofs l-għelieqi fil-Qala, Adrian Delia qal li ma jara l-ebda proġett ta’ żvilupp għax sostna li l-iżvilupp irid ikun ta’ progress. Delia tkellem dwar il-vot favur dan il-proġett mogħti mid-deputat Laburista Clayton Bartolo li jpoġġi fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.