​Delia jispjega x’ried jgħid b’€10 għal kull vot

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ċċara dak li ried jgħid meta riċentement ippropona li l-partiti politiċi għandhom jirċievu €10 għal kull vot.
Fuq il-programm Xtra fuq TVM, il-preżentatur Saviour Balzan qal li Delia dan l-aħħar ġie mistoqsi dwar l-iffinanzjar tal-partiti u li kien wieġeb bi proposta li l-partiti għandhom jaqilgħu €10 għal kull vot.
Dwar dan Delia spjega li kien qed jagħti biss eżempju u li ma kienx għamel il-kalkoli neċessarji biex jasal għal ammont preċiż. Saħaq li kien il-prinċipju li jgħodd.
Delia qal li wieħed irid jistaqsi lin-nies jekk jippreferux li l-partiti jiġbru donazzjonijiet min-negozjanti u min-nies, jew inkella ikunx hemm sistema ta’ ffinanzjar mill-istat.
Spjega li l-Partit Nazzjonalista jiswa ħafna flus biex jitmexxa, flus li għalissa jiġu biss mill-maratoni u skemi oħra li jiġu organizzati għall-ġbir ta’ fondi.
Delia semma wkoll li d-dipendenza fuq min jagħti d-donazzjoni lil xi partit hi li tgħodd u mhux neċessarjament għax tkun saret donazzjoni.
Il-Kap Nazzjonalista enfasizza li n-nies għandhom dritt għat-trasparenza. Fil-każ tal-PN, qal li l-ebda ammont ta’ flus mhu se jagħlaq ħalq il-partit jekk ikun hemm bżonn li ssir kritika lil xi ħadd.
“Is-sitwazzjoni tat-taxxa se tissolva fil-ġimgħat li ġejjin”
Dwar il-kwistjoni tat-taxxi li għadu jrid iħallas, il-Kap tal-PN wieġeb li din is-sitwazzjoni se tissolva fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt il-programm, Balzan irrefera għall-istħarriġ li sar dan l-aħħar mill-MaltaToday fejn ħareġ li Delia huwa inqas fdat mill-elettorat meta mqabbel mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Delia qal li għalkemm janalizza dawn is-servejs, huwa importanti li politiku jkun jaf x’qed iħossu n-nies. Irrimarka li n-nies qed iħossuhom komdi li jerġgħu jibdew jitkellmu mal-PN, però ammetta li dan ma jfissirx li n-nies se jafdaw il-PN bil-vot tagħhom.
Matul l-intervista Delia insista li ma jikkunsidrax lilu nnifsu bħala politiku.
“Relazzjoni tajba ma’ Simon Busuttil”
Delia ġie mistoqsi wkoll dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-eks kap tal-PN Simon Busuttil. Huwa qal li kellhom relazzjoni tajba imma ma kinitx waħda intensiva.
Mistoqsi dwar x’jagħmel jekk ma jnaqqasx id-distakk fil-voti ta’ bejn il-PN u l-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Delia qal li hu se jkompli jaħdem aktar biex dan iseħħ fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.