Delia jisfida lil Fearne u Abela biex ikeċċu l-AĠ

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li qed jistenna li l-grupp parlamentari Laburista, partikolarment Chris Fearne u Robert Abela li qed jikkontestaw il-kariga ta’ Mexxej tal-Partit Laburista sabiex jieħdu l-passi kollha neċessarji biex l-Avukat Ġenerali jitkeċċa minnufih.

Dan qalu f’messaġġ imxandar live fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista llum wara li lbieraħ ippubblika r-rapport tal-inkjesta Egrant b’mod sħiħ. Delia ngħata aċċess għad-dokument wara li l-Qorti Kostituzzjonali ordnat li għandu jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant. Delia sostna li l-Qorti sabet li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni Maltija, l-istess Kostituzzjoni li huwa mitlub iħares, hekk kif kiser id-drittijiet fundamentali tal-Kap tal-Oppożizzjoni u ħoloq żbilanċ politiku.

Il-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta kienu ħarġu fil-pubbliku wara t-tmiem tal-inkjesta mmexxija mill-Imħallef Aaron Bugeja, li dak iż-żmien kien għadu Maġistrat. Minkejja l-wegħdiet li r-rapport eventwalment kien se jinħareġ b’mod sħiħ fil-pubbliku, sa jumejn ilu l-unika partijiet tar-rapport aċċessibbli kienu parti mill-konklużjonijiet. Ir-rapport sħiħ fih total ta’ 1,501 paġna.

Fil-messaġġ tal-lum Delia qal li ‘l fuq minn 90,000 persuna aċċessaw ir-rapport online mil-link li ppubblika hu lbieraħ. Intant, il-media lokali offriet spjegazzjoni dettaljata ta’ bosta partijiet minn dan ir-rapport. Sostna li issa, 18-il xahar wara, il-poplu sara jaf b’mod konkret il-korruzzjoni li l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u dawk kollha li kellhom aċċess għar-rapport ilhom jafu żmien twil.

Delia rrimarka li ma jistax jifhem kif l-Avukat Ġenerali, 48 siegħa wara li nstab ħati li kiser il-Kostituzzjoni, għadu ma ħassx li għandu jirreżenja mill-irwol tiegħu. Irrimarka li l-Avukat Ġenerali huwa kompliċi daqs l-oħrajn.

Delia rrefera għall-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew illum fejn il-maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw favur li l-Prim Ministru Joseph Muscat jirriżenja minnufih. Huma qablu li sakemm Muscat jibqa’ fil-kariga, hemm riskju li l-investigazzjonijiet li għaddejjin ikunu kompromessi.