Delia jisfida lil Abela għal dibattitu

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sfida lill-Prim Ministru Robert Abela għal dibattitu fuq it-televiżjoni nazzjonali.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Delia rrimarka li wara siegħa ta’ intervista fuq l-istazzjon nazzjonali lbieraħ filgħaxija, Abela ħalla lill-110,000 ħaddiem Malti u self-employed fejn kienu. Qal li dawn il-ħaddiema kollha kienu qed jistennew lill-Prim Ministru jħabbar l-għajnuna finanzjarja biex inaqqas is-sofferena tagħhom, iżda Abela m’għamilx dan.

Delia sostna li n-nazzjon, ilbieraħ filgħaxija, kien qed jistenna li Abela jħabbar it-twaqqiegħ tal-ftehim mal-Vitals Global Healthcare u jreġġa’ lura l-isptarijiet f’idejn il-Maltin. Qal li l-poplu stenna li Abela jitkellem dwar il-proċess ta’ ripatrijazzjoni li se jintuża għall-immigranti li mhumiex eliġibbli għall-ażil. Dan hekk kif iċ-ċentri ta’ detenzjoni qed joperaw fil-massimu tal-kapaċitajiet tagħhom. Delia rrimarka li l-poplu stenna li lbieraħ, il-Prim Ministru jħabbar tnaqqis fil-prezz tad-dawl u l-ilma.

Delia sostna li minkejja “din l-istennija tal-poplu”, il-Prim Ministru ma ħabbar l-ebda waħda minn dawn il-miżuri u deċiżjonijiet. Qal li minflok, Abela reġa’ gideb lill-poplu Malti. Qal li filwaqt li hu qatt m’akkużah li kien assassin, qed jakkużah li hu giddieb.

Delia reġa’ sfidah sabiex jiddibatti kontrih sabiex il-pubbliku jkun jista’ jiġġudika l-livell ta’ gideb tiegħu.

Dear Robert, After another hour on State TV, which you’ve effortlessly turned into One TV Mark 2, you have left no…

Posted by Adrian Delia on Thursday, April 23, 2020

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal fost l-oħrajn li l-kumitat tekniku li ħatar biex issir reviżjoni tal-liġijiet tal-kostruzzjoni lesta r-rapport tiegħu.