​Delia jipprovdi provi dwar il-ħlas tat-taxxi – TMIS

Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li ħallas it-taxxi kollha li kellu jħallas u wera l-provi ta’ dan lill-gazzetta The Malta Independent on Sunday (TMIS).
TMIS iltaqgħet ma’ Delia biex tanalizza l-pagamenti tat-taxxi tiegħu. Skont il-gazzetta, Delia “issa pprova b’mod konklussiv eżatt sal-aħħar ċenteżmu kif it-taxxi u l-multi tiegħu tħallsu, u eżatt minn fejn ġew il-flus.” Il-gazzetta qalet li analizzat dokumenti pubbliċi u wħud ipprovduti minn Delia.
Ġie rrappurtat li l-flus ġew mill-bejgħ tal-ishma ta’ kumpaniji li kien involut fihom qabel ma ġie elett bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u mill-bejgħ ta’ propjetà ħdejn id-dar tiegħu.
Delia wera wkoll dokument mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni li jgħid li ma fadallux taxxa xi jħallas. Id-data fuq id-dokument hija dik tal-14 ta’ Mejju.
Skont il-gazzetta, il-valur tal-ishma li biegħ Delia huwa akbar minn kull kont tat-taxxa li qatt irċieva.
TMIS qalet li Delia kien aktar trasparenti dwar il-finanzi personali tiegħu minn kull politiku ieħor.