Delia jilmenta li għal darb’oħra l-PM falla l-Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia illum reġa’ ilmenta fil-Parlament li għal darb’oħra l-Prim Ministru Robert Abela ma kienx preżenti fil-ħin tal-mistoqsijiet.

Eżatt wara l-ħin tal-mistoqsijiet, Delia qam u staqsa lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jekk iħossx li għandu jagħmel stqarrija ministerjali wara dak li żvela l-PN dwar il-bejgħ tal-isptarijiet, li l-Vitals intrabtu li kellhom jonfqu €180 miljun qabel il-gvern jibda jħallas ammonti sostanzjali u li l-investiment ma sarx.

Meta ma ħa l-ebda tweġiba, Delia rrimarka “naħseb li lanqas l-Prim Ministru m’għandu l-ebda stqarrija x’jagħmel peress li għal darba oħra mhux fil-parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet.”

Din mhix l-ewwel darba li Delia ilmenta li l-Prim Ministru Robert Abela ma kienx qed jattendi l-parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet.

Dwar il-kuntratt tal-Vitals, waqt attvità politika f’Ħal Qormi, Robert Abela kien stqarr li f’waħda mid-deċiżjonijiet li ħa bħala Prim Ministru kien li jaħtar kumitat magħmul mill-Ministru tas-Saħħa u dak tal-Finanzi biex jingħata ‘stock take’ tas-sitwazzjoni u kuntratti li daħlu fis-seħħ.