Delia jilgħab bid-diskors dwar il-messaġġi ma’ Yorgen Fenech

Read in English.

Adrian Delia, il-Mexxej tal-Partit Nazzjonalista (PN) m’huwix qed jicħad l-allegazzjonijiet dwar il-messaġġi li ntbagħtu bejnu u bejn Yorgen Fenech, li bdew mis-sena l-oħra.

Dawn il-messaġġi kienu qed jintbagħtu fuq Whatsapp, qabel l-allegazzjoni li Fenech kellu x’jaqsam fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Però, kien diġà magħruf bħala sid 17 Black, li kellha rabta ma’ kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

L-allegazzjoni dwar il-kuntatt bejn Delia u Fenech dehret fuq the Sunday Times of Malta. Din wasslet għal vot ta’ sfiduċja f’Delia fost il-grupp parlamentari tal-PN. Fil-vot sigriet, li ġie mmexxi minn Chris Said u Therese Comodini Cachia, 19 minn 30 membru tal-grupp vvutaw kontra Delia, waqt li 11 iddeċidew li juru l-fiduċja fih.

Delia saħaq li l-vot ma kellux x’jaqsam mal-allegazzjoni tal-kuntatt tiegħu ma’ Fenech. Però, waqt il-konferenza tal-bieraħ saħaq li mhux ħa jirrinżenja, li wasslet għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-każ.

L-artiklu tat-Times ma kienx libelluż – Delia

Mistoqsi minn ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt u ta’ Lovin Malta, Delia qal li mhux qed jisħaq li ma jeżistux il-konversazzjonijiet, imma żied jgħid li Fenech ma jidhirx fuq il-Whatsapp tiegħu stess. Mistoqsi minn ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt, Delia qal li l-artiklu li jallega il-konversazzjonijiet infatti m’huwix libelluż.

Però, żied jgħid li l-informazzjoni biex isir l-artiklu ngħatat b’mod illegali. Qal ukoll li ma setgħax jispjega iżjed, minħabba li se ssir inkjesta dwar il-każ. Huwa offra li juri l-messaġġi lil ġurnalist tal-Lovin Malta wara l-konferenza, imma din ma ġratx.

Delia saħaq li m’għandu ebda relazzjoni ma’ Yorgen Fenech, u li qatt ma staqsa għal flus jew irċivihom mingħandu. Qal li jew hemm xiħadd qed jivvinta, jew informazzjoni li qatt ma kellha tinkixef qiegħda fil-beraħ, imma ma kkjarifikax liem hi s-sitwazzjoni preżenti.