Delia jiċħad li ltaqa’ ma’ Yorgen wara l-aħbar li hu sid 17 Black

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ stqarrija sabiex jiddikjara li huwa qatt iltaqa’ man-negozjant Yorgen Fenech wara li ħarġet l-aħbar li huwa involut fil-kumpanija 17 Black.

Din l-istqarrija ħarġet ilbieraħ filgħaxija, wara li filgħodu, meta l-każ ta’ Yorgen Fenech kompla jinstema’ fil-Qorti, is-sensar tal-assassinju Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech darba qallu li Delia mar jiekol għandu, iżda Theuma stqarr li ma jafx qallux hekk biex jiffanfra dwar kemm jaf nies.

Fench, sid il-kumpanija 17 Black, huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa ġie arrestat f’Novembru tal-2019, huwa u jipprova jaħrab minn Malta fuq il-jott tiegħu.

Ilbieraħ kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tiegħu wara li l-Qorti kienet magħluqa għal madwar xahrejn minħabba l-pandemija, billi nstemgħu rikordings li Theuma għadda lill-Pulizija. Theuma stqarr mal-Pulizija li huwa kien is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista u ngħata maħfra presidenzjali sabiex jgħid kulma jaf dwar il-każ.

Fl-istarrija tiegħu, Delia saħaq, “niddikjara bl-aktar mod assolut u kategoriku illi jiena qatt ma ltqajt ma’ Yorgen Fenech wara li ħarġet l-aħbar illi dan kien involut fil-kumpanija 17 Black. Nirrijaferma wkoll dak kollu illi jiena kont għedt lil ‘Lovin’ Malta’ fit-13 ta’ April 2019 u qed nehmeż kopja ta’ dawk it-tweġibiet li bgħatt lil ‘Lovin Malta’ aktar minn sena u xahar ilu.”

Mistoqsi minn Lovin’ Malta f’April tal-2019 jekk huwiex assoċjat ma’ Fenech, Delia ċaħad dan, u qal li l-ebda laqgħat jew assoċjazzjoni ta’ din ix-xorta ma jistgħu jħammġu l-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni. Huwa sostna li dejjem iġġieled, u beħsiebu jibqa’ jiġġieled, kontra l-korruzzjoni.

Il-ġurnal staqsa lil Delia dwar dan wara li kien ġie żvelat li Kristy Debono u Hermann Schiavone, żewġ deputati Nazzjonalisti li kienu jaħdmu mill-qrib ma’ Adrian Delia, kellhom laqgħa ma’ Yorgen Fenech Portomaso.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien issokta jgħid lil Lovin’ Malta, “Se nibqa’ niġġieled biex issir ġustizzja. Xejn mhu se jwaqqafni. Ħadd mhu se jixtri s-silenzju tiegħi. La lbieraħ, lanqas illum, u qatt.”