​Delia jħabbar li ħallas it-taxxi dovuti; lest li jaċċetta investigazzjoni fil-finanzi tiegħu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ħallas it-taxxa li kellu jagħti u li lest li jaċċetta investigazzjoni fil-finanzi tiegħu.
Waqt intervista li kellu fuq l-istazzjon tar-radju tal-PN, Radio 101, Delia staqsa wkoll l-għala l-Prim Ministru neħħa mil-liġi parti li kienet tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf.
Ħallas it-taxxa
Il-Kap tal-PN ikkonferma illi ħallas l-ammont ta’ €55,000 għat-taxxi li kellu jagħti. Huwa qal li l-flus ma ġew mingħand ħadd u kkritika l-midja tal-PL li qal li “għandha l-wiċċ tgħid li ħallastha wara martona ta’ ġbir ta’ fondi”.
Huwa jinsab lest li ssir investigazzjoni dwar il-finanzi tiegħu. Delia saħaq li lest li jagħti aċċess liberu dwar il-finanzi tiegħu. Stieden lil kull membru parlamentari biex jagħmel l-istess.
Protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf
Għal darb’oħra Delia qal li l-PN qatt mhu se jaċċetta l-abort. Delia qal li l-PN huwa “kontra l-qtil tal-persuna, anke jekk minn ftit ġimgħat fil-ġuf”.
Il-Kap tal-PN staqsa għalfejn il-Gvern irid li mill-liġi dwar vjolenza domestika ineħħi provediment li diġà kien hemm fiha biex tingħata protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf.  Huwa qal li l-Gvern minflok ir-riferenza li kien hemm għat-tarbija fil-ġuf semma l-kelma ‘dixxendent’. Iżda, kompla Delia li anke l-Avukat Ġenerali ta raġun lill-PN li t-terminu ‘dixxendent’ ma jinkludix it-tarbija fil-ġuf.
Delia nnota li l-Partit Laburista qatt ma għamel stqarrija li huwa favur il-ħajja mill-bidu tagħha fil-ġuf.
Edukazzjoni
Skont Adrian Delia, meta l-Gvern Laburista jaħseb dwar l-edukazzjoni, jaħseb fuq il-kontroll,l-ispekulazzjoni, u jaħseb biex ibill subgħajh.
Delia qal li s-sistema edukattivi f’Malta hija magħmula għall-kontroll mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Delia qal li f’Malta hemm problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema. Delia staqsa jekk Malta se tibdiex timporta l-għalliema minn barra wkoll.
Skont Delia, il-Gvern Laburista jrid jibda jitratta l-lingwa Maltija bħala lingwa barranija. Allega li l-Gvern irid jeqred il-lingwa Maltija u l-fidi.
Delia qal ukoll li hemm bżonn aktar stħarriġ dwar għalfejn inqas żgħażagħ qed jagħżlu li javvanzaw fil-livell tal-edukazzjoni tagħhom. Fl-opinjoni ta’ Delia, dan għaliex jippreferu li jibdew jaħdmu. Żied jgħid li s-soċjetà qed issir konsumerista.
Ambjent
Delia qal li l-ambjent qed jiġi mhedded. Qal li Malta hija l-aktar pajjiż meħud mill-bini fl-Ewropa u li l-arja mhix nadifa.
Delia qal li wieħed ma jistax jagħti l-permessi għall-bini qabel ma jibda jippjana.
Stqarrija tal-PL
Fi stqarrija il-PL qal li Delia missu qal mill-ewwel li kien ħallas it-taxxa. Il-PL żied jgħid illi Delia ma qalx minn fejn ġab il-flus biex iħallas it-taxxa.