Delia jgħid li qed jikkunsidra reshuffle fix-shadow cabinet

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li qed jikkunsidra reshuffle fix-shadow cabinet issa li l-Prim Ministru Robert Abela wettaq reshuffle fil-Kabinett tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan lill-ġurnal MaltaToday meta mistoqsi jekk huwiex beħsiebu jibdel ix-shadow cabinet.

Delia wera l-fehma li jekk ikun hemm xi tibdil, dan isir b’tali mod li kull persuna tintuża skont l-aħjar kwalitajiet tagħha sabiex tirreaġixxi għal dak li teħtieġ Malta.

Il-Kabinett il-ġdid huwa mimli bi wċuħ ġodda li kienu Membri Parlamentari, bħalma kien il-Prim Ministru nnifsu sal-ġimgħa li għaddiet. Abela qal li l-għażla tiegħu ta’ Kabinett żagħżugħ kienet ġejja mill-fatt li waqt il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari nnota li kien hemm livell ogħla milli waqt il-laqgħat tal-Kabinett preċedenti.

Mistoqsi dwar il-validità tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal lill-MaltaToday li din il-kwistjoni hija każ magħluq, għaliex l-istatut tal-Partit Nazzjonalista huwa ċar. Sostna li dak li jrid isir mill-PN issa hu li jaħdmu aktar minn qatt qabel għall-ġid tal-pajjiż.

Delia appella lis-soċjetà ċivili, lill-midja, lill-ġurnalisti u lill-partiti biex ikomplu jkunu protagonisti sabiex flimkien mal-Gvern u mal-Oppożizzjoni, Malta ssib triqitha lura lejn in-normalità. Hu u jindirizza lill-midja, l-unjins u l-korpi kostitwiti preżenti għar-riċeviment organizzat mill-Partit Nazzjonalista għas-sena l-ġdida, Delia qal li jeħtieġ li kulħadd jagħti sehmu biex Malta terġa’ tibni r-reputazzjoni tagħha. Qal li din ir-responsabbiltà taqa’ f’ħoġor kulħadd.