Delia jgħid li n-numri juru li hemm bżonn bidla fil-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li n-numri juru li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jitlef u mhux jilħaq mal-aspirazzjonijiet tan-nies.

Huwa qal li jibqa’ riżolt li jerġa’ jagħti l-Partit lin-nies, madanakollu spjega li hemm proċess li jrid jgħaddi minnu l-partit u fin-natura tiegħu l-proċess ta’ bidla se jsib min jopponih.

Huwa qal li n-numri iktar minn qatt qabel qed juru li dak li hemm bżonn isir, u li ilu sena iħambaq fuqu, irid isir. Huwa rrefera għal Oppożizzjoni b’saħħitha li iktar minn qatt qabel tibda toffri alternattiva għal Gvern.

Adrian Delia meta kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista NET FM, qal li wara li fl-aħħar ġimgħat rajna l-prezz tal-ħobż jogħla, issa kien imiss lill-prezz tal-petrol li għola għal-livelli li l-aħħar li kien, il-Prim Ministru kien niżżel in-nies fit-toroq.

Huwa qal li meta barmil żejt kien jiswa 100 dollaru f’Malta kellna l-istess prezzijiet issa li l-prezz taż-żejt huwa n-nofs.

Huwa qal li meta l-Gvern raħħas il-prezz bi żewġ ċenteżmi, il-Prim Ministru għamel konferenza tal-aħbarijiet, issa li l-preżż għola d-doppju, il-Gvern irid inessi fi sħana tas-sajf.

Huwa qal li l-pajjiż għaddej minn sħaba ta’ kriminalita’ li ħakkmitu u ma nistgħu noħorġu minnha, b’każijiet li jwaħxu għax il-Gvern falla fit-tħaddim fl-ogħla livell tas-sistema ġustizzjarja f’livelli l-aktar li jolqot lin-nies. Huwa qal il-każijiet tal-kriminalita’ ipoġġu fuqna bżonn ta’ riflessjoni li mhux biss naraw fejn l-ekonomija sejra iżda anki fejn is-soċjeta’ tagħna miexja.

Huwa appella għal bżonn li kulħadd jagħmel pass lura biex naraw jekk is-soċjeta’ Maltija hux qed tħallas prezz għoli għall-progress li jġib miegħu l-ekonomija.

Huwa qal li n-negozju qed joħloq il-ġid u l-Gvern jikkrea l-faqar.Delia qal li fl-aqwa żmien għad hemm 70,000 ruħ li ma għandhom problemi serji biex ileħħqu mal-ħajja, li se jispiċċaw barra t-triq għax mhux kapaċi jħallsu l-kera.

Reazzjoni tal-PL

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista qal li jekk Delia jrid jagħmel bidla fl-Oppożizzjoni, irid iwarrab lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil.

“Jekk ma jagħmilx dan, il-falliment ta’ Busuttil u r-responsabiltà tal-gidba Egrant se jibqgħu tiegħu wkoll.”

Skont il-PL, bħalissa l-veru Kap tal-Oppożizzjoni huwa mill-ġdid Simon Busuttil.