Delia jgawdi s-sapport tat-tesserati tal-PN – survey

Read in English.

Survey tal-MaltaToday juri li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista għadu qed igawdi s-sapport ta’ 56.8% tal-membri fi ħdan il-partit. Il-ġurnal kiseb lista anonima tal-membri tal-partit li kienet tinkludi l-età u d-distrett minn fejn ġejjin, kif ukoll is-sess tagħhom.

Is-survey li sar bejn it-12 u l-14 ta’ Frar ġie mwieġeb minn 651 persuna. Dan wara li l-Kap tal-PN beda jaffaċċja talbiet ġodda għar-riżenja tiegħu wara survey ieħor tal-MaltaToday li għalih kien ġab riżultat xejn sodisfaċenti.

Terz tal-membri tal-PN qalu li jemmnu li Delia għandu jirreżenja. Skont ir-riżultat tas-survey, Delia għandu l-akbar sapport mill-membri tal-PN li ġejjin mid-distretti tan-nofsinhar ta’ Malta. Minkejja dan, l-10 Distrett, li huwa wieħed mid-distretti tradizzjonalment nazzjonalisti jemmen li Delia għandu jirreżenja. Dan skont 55.9% taċ-ċittadini ta’ dan id-distrett. Intant fil-11 u t-12-il distrett huwa jgawdi l-maġġoranza bi żbrixx.

Delia gawda aktar minn 70% tas-sapport tal-membri tal-PN fit-tieni, r-raba, l-ħames u s-sitt distrett. Skont l-istess survey, l-ikbar inkwiet tat-tesserati huwa n-nuqqas ta’ għaqda, segwita minn “grupp parlamentari li mhux adekwat”. 4% biss tat-tesserati huma inkwetati dwar id-dejn tal-partit.