Warrab, b’rispett lejn pajjiżek – MPs tal-PN lil Delia

Read in English.

Filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rreżista r-riżultat tal-istħarriġ tal-MaltaToday bil-wegħda li se jibqa’ jissielet, għadd ta’ Membri Parlamentari tal-PN qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-pożizzjoni ta’ Delia bħala mexxej tal-partit m’għadhiex tenibbli. Għalkemm diversi MPs qalu li għandu jirriżenja b’rispett lejn il-pajjiż, Delia jemmen li d-dover tiegħu lejn il-pajjiż huwa li jkompli jiġġieled.

Tkellem fil-qosor dwar l-istħarriġ:
Joseph Muscat huwa kriminal internazzjonali – Delia

L-MPs li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt bil-kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità kienu frustrati u rrabjati. Qalu li kienu bbumbardjati b’messaġġi mill-pubbliku, iħeġġuhom jagħmlu xi ħaġa b’effett immedjat.

Il-parti l-kbira tagħhom insistew li ma jridux lil Delia jiġi umiljat u li d-deċiżjoni li jitlaq għandha tkun tiegħu u mhux riżultat ta’ vot ta’ sfiduċja. Fl-istess waqt saħqu li għandu jitlaq, għax bih fit-tmun qed jaraw it-tmiem tal-Partit Nazzjonalista.

“Din m’għadhiex dwar Adrian Delia jew il-PN, imma dwar il-pajjiż”, qal wieħed mill-MPs. “Se nitilfu b’aktar minn 80,000 vot, qalu żewġ MPs waqt li bbażaw l-analiżi tagħhom fuq ir-riżultat tal-istħarriġ. Żiedu jgħidu li l-Partit Laburista jkollu maġġoranza ta’ mill-inqas 15-il MP, jekk ir-riżultati elettorali jimxu mal-istess tendenzi.

Newsbook.com.mt bagħat imejls lill-Kap Nazzjonalista nnifsu lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli u liż-żewġ Viċi-Kapijiet David Agius u Robert Arrigo. Tlabna l-kummenti tagħhom, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma rċivejna l-ebda tweġiba. It-tweġibiet jiġu ppubblikati malli jaslu.

X’juri l-istħarriġ?

Ir-riżultati mill-istħarriġ tal-MaltaToday huma diżastrużi għal Delia u l-PN.

L-istħarriġ juri li l-Prim Ministru Robert Abela għandu fiduċja ta’ 62.5% tal-parteċipanti, filwaqt li Adrian Delia għandu fiduċja minn 13.5% – differenza massiva ta’ 49%.  Minn dawk bejn it-18 u l-35 sena, Delia għandu fiduċja minn ftit iktar minn 9%.

Dan huwa wieħed biss minn sensiela ta’ servejs li fihom Adrian Delia mar ħażin ħafna.

Servej li sar f’Diċembru tal-2019 juri li 60% ta’ dawk li wieġbu qalu li jafdaw lill-Ministru Chris Fearne, filwaqt li 18% biss qalu li jafdaw lil Adrian Delia. Barra minn hekk, numru sinifikanti ta’ parteċipanti li qalu li jivvutaw lil PN, esprimew iktar fiduċja f’Fearne milli f’Delia.

Stħarriġ ieħor f’Diċembru 2019 juri li kemm Bernard Grech kif ukoll Roberta Metsola jiksbu iktar fiduċja minn Delia.

Dawn huma l-kummenti tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti li tkellem magħhom Newsbook.com.mt:

Żewġ terzi tal-maġġoranza għal-Lejber”

Wieħed mill-MPs irrimarka dwar id-differenza massiva fil-voti bejn iż-żewġ partiti.

“Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, jidher li taħt it-tmexxija ta’ Delia, il-qabża hija ta’ madwar 80,000 votant. Meta wieħed iħares lejn l-aħħar riżultati elettorali u l-kompożizzjoni parlamentari, il-qabża hija pjuttost ikbar. Dan hu stat diżastruż, għax ifisser li l-Partit Laburista għandu żewġ terzi tal-maġġoranza fuq il-Partit Nazzjonalista. Realistikament, b’dan ir-riżultat, il-Partit Laburista jista’ jkollu maġġoranza ta’ 16-il siġġu, mill-maġġoranza ta’ 7 li għandu bħalissa”.

Il-pożizzjoni ta’ Delia m’għadhiex tenibbli”

MP ieħor saħaq li Delia għandu jirriżenja minn jeddu.

“Evidenti li l-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli. B’dover lejn l-istat u lejn il-pajjiż, jeħtieġ jagħraf dan minn jeddu, biex pajjiżna jerġa’ jkollu Oppożizzjoni. Il-PN jista’ jerġa’ jieħu r-ruħ jekk jitmexxa minn persuna ġdida li tgawdi fiduċja ikbar fl-elettorat tagħna. Fin-nuqqas ta’ dan, il-PN se jaffaċċa disfatta elettorali li tibqa’ timmarkah fl-istorja bħala l-partit li ta maġġoranzi kbar lill-partit wieħed u ħoloq żbilanċ fid-demokrazija”.

Il-PN ma jistax jitnikker”

Deputat Nazzjonalista ieħor ta tort lil dawk fl-ogħla livelli tal-partit.

“Dan huwa diżastru u dan huwa d-diżastru ta’ Delia. Barra minn hekk, l-ogħla livelli tal-partit jinsabu f’fazzjoni mhux koordinata, fi żmien meta hemm bżonn l-għaqda u ċ-ċarezza. L-id il-leminija ma tafx x’qed tagħmel l-id ix-xellugija.

Delia huwa ostaġġ tan-nies inkompetenti li jinsabu madwaru.

Il-partit ma jistax jaffordja li jitnikker sal-elezzjoni li jmiss. Il-proposti li qed isiru għar-ristrutturar tal-Partit Nazzjonalista, iridu jiġu implimentati mill-iktar fis, biex il-Partit ikun jista’ jibda mill-ġdid”.

Dieħla bil-mod l-attitudni fatalista”

“Jien u kollegi oħra qed insibuha diffiċli biex insibu kanvażers. Inħoss attitudni fatalista fost dawk li jħaddnu l-ideoloġiji tal-partit. Ħafna qed jgħidu li issa xejn ma jista’ jsir. Jippreferu jistennew sal-elezzjoni u jeħilsu minn Delia wara t-tkaxkira.

Fl-istess waqt, nippreferi għażla differenti. Għandu jinstab mod li ma jumiljax lil Delia, u mbagħad intellgħu lil Claudio Grech jew lil Metsola”.

 “Finanzi ħżiena jikkumplikaw is-sitwazzjoni”

MP ieħor qal li s-sitwazzjoni ħażina fis-sondaġġi hija mwaħda mas-sitwazzjoni finanzjarja prekarja li jinsab fiha l-partit u li marret għall-agħar wara li Delia sar kap.

“Delia għandu jkun responsabbli biżżejjed li jirriżenja. Hemm bżonn li jinstab mod biex ma jkunx hemm iktar argumenti u hu ma jkunx umiljat. Id-deċiżjoni tinsab f’idejh stess u jidher li se jkollu jerfa’ r-responsabbiltà għal diżastru elettorali.

Il-PN illum qisu pazjent b’qalb dgħajfa, pulmun difettuż u saqajn miksura. Jista’ jkun agħar minn hekk?”

“Delia għamel li seta’

MP ieħor tant wieġeb fid-dettall, li Newsbook.com.mt se jippubblika l-opinjoni tiegħu fil-jiem li ġejjin. Fil-kumment tiegħu, hu enfasizza li s-sitwazzjoni preżenti mhix dwar Delia jew il-Partit Nazzjonalista, imma dwar il-pajjiż u d-defiċit demokratiku li qed jaffaċċja l-pajjiż minħabba d-dgħufija tal-Oppożizzjoni.

“Delia jrid jirrealizza, li l-frażi li ħadd mhu ikbar mill-Partit tapplika għalih ukoll. Għamel li seta’, m’għandi l-ebda dubju. Imma l-aħjar li ta, qatt ma kien tajjeb biżżejjed.

Għandu obbligu morali quddiem Alla, biex jaġixxi b’mod onorabbli u jitlaq issa”.