Delia għandu jirreżenja – Occupy Justice

L-attivisti ta’ Occupy Justice qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandu jirreżenja.

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li persuni li huma suspettati li huma involuti f’attività kriminali m’għandhomx ikollhom kariga pubblika. The Sunday Times of Malta lbieraħ irrappurtat li l-allegat involviment ta’ Delia f’ċirku tal-prostituzzjoni f’Londra huwa parti minn investigazzjoni tal-Pulizija kontra l-ħasil tal-flus.

L-attivisti qalu li r-reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat għal din l-aħbar kienet “diżgustanti” u li ddefenda lil Delia. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinsab f’pożizzjoni assurda u problematika għax l-argumenti li għamel fil-konfront ta’ nies oħra ma jridx jagħmilhom kontrih innifsu.

“Liema Prim Ministru ma jkunx irid li l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ pajjiżu, li huwa suspettat li huwa involut f’ħasil tal-flus, jirreżenja?” staqsew l-attivisti. Huma tennew it-talba tagħhom biex jirreżenja Muscat flimkien maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.