Il-President jiltaqa’ mal-PM u Delia

Miguela Xuereb

Read in English.

Aġġornata 4.30pm

Bħalissa, il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab il-Palazz ta’ San Anton fejn qed jiltaqa’ mal-President George Vella. Dan wara li fl-aħħar jiem qal li se jkun qed jirrakkomanda lill-President li jagħti l-maħfra Presidenzjali lir-raġel li qed jitqies bħala s-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-kelliema tal-Uffiċċju tal-President li qalet li f’dan l-istadju mhix f’pożizzjoni li tikkummenta.

Delia għand il-President dwar is-sitwazzjoni preżenti

Aktar kmieni l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia ukoll iltaqa’ mal-President ta’ Malta. Huwa talab laqgħa urġenti biex jiddiskuti mal-President George Vella, is-sitwazzjoni preżenti kif qed tiżviluppa.

Huwa talab din il-laqgħa wkoll fid-dawl tal-importanza tal-ħarsien tal-obbligi kostituzzjonali fil-proċessi li għaddejjin.

“Il-PM mhux il-Kummissarju tal-Pulizija”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat, biex iżomm lil hinn minn dak li ma jaqax fil-kompetenza tiegħu u jerfa’ r-responsabbiltà diretta tiegħu, dik politika.

F’kumment fuq Facebook, Dr Delia qal li fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru tkellem daqslikieku qiegħed b’xi mod jew ieħor jagħmel ix-xogħol li qed isir mill-istituzzjonijiet. Żied jgħid li l-Prim Ministru la hu l-Kummissarju tal-Pulizija, la l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) u lanqas l-Avukat Ġenerali.

Semma kif wara l-avvenimenti li ġraw fil-pajjiż, dalgħodu ħass il-bżonn li bħala Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem mal-President tar-Repubblika, u wara li ħa parir kostituzzjonali talab li jiltaqa’ mal-President George Vella.

Delia appella lil kulħadd biex tinżamm il-kalma f’dak li jingħad u li jsir.

X’qed jiġri bħalissa?

Il-Prim Ministru qal li għaddejjin żewġ punti paralleli ma’ xulxin:

  1. L-interrogazzjonijiet u kjarifiki minn naħa ta’ persuna
  2. u investigazzjonijiet li bdew fuq in-naħa ta’ persuna oħra.

Fisser li dan ma kienx l-aqwa mod għall-Pulizija biex jipproċedu imma kellhom jieħdu miżuri prekawzjonali wara dak li ġara nhar l-Erbgħa filgħodu.

Saħaq li dwar dan il-każ għadha għaddejja l-analiżi tax-xhieda, tad-data, l-informazzjoni u l-provi kollha li qed jagħti l-persuna li hu l-allegat ‘middleman’ f’dan il-każ. L-analiżi qed tkun dettaljata ħafna u l-punti jridu jiġu ċċarati mal-persuna inkwistjoni.

Għadu mhux magħruf fejn jinsab bħalissa Yorgen Fenech, in-negozjant u s-sid tal-kumpanija 17 Black li nhar l-Erbgħa filgħodu ġie arrestat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aqra: Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Newsbook.com.mt infurmat li ftit qabel nofsinhar, Fenech intlemaħ jitlaq minn Portomaso bi skorta tal-Pulizija. Skont rapporti huwa kien mistenni li jmur il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex tissokta l-interrogazzjoni. Madanakollu jidher li dan qatt ma mmaterjalizza, b’diversi membri tal-midja jibqgħu jistennew fl-inħawi tal-Kwartieri.