Delia b’rikors biex Cardona, Mizzi u Scicluna jixhdu dwar Egrant

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandu jressaq rikors fil-Qorti Kostituzzjonali jitlobha tordna lill-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi jitilgħu bħala xhieda fl-appell miftuħ minnu stess biex ir-rapport tal-inkjesta Egrant jiġi ppubblikat sħiħ.

Aqra: L-appell ta’ Delia għal kopja tar-rapport tal-Egrant pospost b’ġimgħa

It-tliet Ministri apparentament kienu kkwotaw biċċiet tar-rapport li ma ġewx ippubblikati f’kawża tal-qorti separata. Delia qed jgħid li din hija diskriminazzjoni sħiħa lejh bħala Kap tal-Oppożizzjoni u lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Aqra: Mizzi, Cardona u Scicluna għandhom ikunu sfurzati juru r-rapport ta’ Egrant – Repubblika

Qal li wara li l-Avukat Ġenerali Peter Grech bagħat kopji lill-Prim Ministru, lill-Ministru għall-Ġustizzja, lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern u lill-avukat Pawlu Lia, kien ħareġ ukoll li t-tliet Ministri kienu ngħataw informazzjoni mir-rapport.

Aqra: Inkjesta Egrant: Scicluna, Cardona u Mizzi jiċħdu li għandhom aċċess għar-rapport sħiħ

Il-Qorti, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri semgħu lill-AĠ  jgħid li beħsiebu jirritalja kontra dawn l-argumenti, peress li qal li dawn it-tlieta kienu xehdu fi proċedimenti li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ dan il-każ partikolari.

Aqra: Inkjesta Egrant: “Cardona, Mizzi u Scicluna għandhom aċċess”

Il-Qorti għandha tisma’ l-argumenti miż-żewġ naħat dwar il-kwistjoni fil-15 ta’ Lulju.