Ir-rapport tad-due diligence ppubblikat wara mozzjoni ta’ Delia

Aġġornat 08:20 PM

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum ressaq mozzjoni quddiem il-Kunsill Amministrattiv tal-partit fejn talab sabiex ikun ippubblikat ir-rapport tad-due diligence dwaru u dwar Bernard Grech. Grech huwa l-kandidat l-ieħor li qed jikkontesta l-irwol ta’ Kap tal-PN. Aktar tard, il-Kunsill Amministrattiv ħabbar li l-mozzjoni kienet approvata u ppubblikat ir-rapport sħiħ tad-due diligence.

Ir-riżultat tar-rapport tad-due diligence ħareġ is-Sibt li għadda fejn kien tħabbar li l-kandidati huma t-tnejn li huma adegwati biex imexxu l-partit f’każ li jkunu eletti. Dan ir-rapport ħareġ wara li l-Kummissjoni Kandidati ħatret panel ta’ esperti indipendenti biex skont l-istatut u r-regolamenti huma jfittxu fuq il-kontestanti u jivverifikaw dokumenti relatati magħhom inkluż dawk finanzjarji, kummerċjali jew legali. Il-panel kien magħmul minn Dr Antonio Ghirlando bħala Chairperson u mill-Awditur Mario P Galea u n-Nutar Dr Clyde La Rosa.

Fil-mozzjoni tiegħu, Delia jgħid li l-kopja tar-rapport tad-due diligence għandha tkun mgħoddija lilu u lil Grech. Hu talab ukoll għal emenda fl-istatut tal-partit biex tippermetti li l-Kunsill Amministrattiv jitlaqqa’ fi żmien 48 siegħa minn meta l-president tagħha jirċievi kopja tar-rapport.

Illum Delia qed jiltaqa’ mal-Kunsill Amministrattiv fejn qed jippreżenta l-mozzjoni dwar id-due diligence.

Għal diversi drabi, il-kandidat Bernard Grech qal li malli jiġi f’idejh ir-rapport tad-due diligence kien lest li jippubblikah. Min-naħa tiegħu, Adrian Delia kien qal li filwaqt li jrid li r-rapport jiġi ppubblikat, dan għandu jsir kif suppost.

L-elezzjoni għall-Kap tal-PN se ssir fit-3 ta’ Ottubru.

Il-mozzjoni ta’ Delia approvata unanimament – Kunsill Amministrattiv

Fi stqarrija mibgħuta aktar tard, il-Kunsill Amministrattiv ħabbar li approva unanimament il-mozzjoni li tressqet mill-Kap tal-PN Adrian Delia li ġiet issekondata mill-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo. Il-vot fuq din il-mozzjoni ttieħed mill-membri tal-Kunsill Amministrattiv qabel mal-istess Kunsill ingħata kopja tar-rapport.

Il-Kunsill Amministrattiv b’mod immedjat qabel unanimament li jippubblika r-rapport tad-diliġenza ppruvata dwar iż-żewġ kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN, fl-intier tiegħu.

L-istqarrija kienet iffirmata miċ-Chairperson tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN Carmelo Mifsud Bonnici u s-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech.