Filmat: Mhux se nħalli lil Delia jużani fil-ġlied bejn il-fazzjonijiet tal-PN – Fearne

Aġġornat 05:03 PM

Delia b'ittra għal Fearne biex jingħaqad miegħu fil-ġlieda kontra l-bejgħ tal-isptarijiet

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li mhux se jħalli li hu jintuża fil-ġlied intern bejn fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista. Hu qal dan fi Tweet wara li l-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stieden lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jissieħeb miegħu fil-ġlieda kontra l-kuntratt tal-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals Global Healthcare.

Delia daħal il-Qorti ftit qabel nofsinhar hekk kif il-kawża li kien fetaħ fuq il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi mogħtija lil Vitals Global Health Care kompliet.

Skont Delia il-konċessjoni fuq l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li issa għaddiet għand Steward Health Care, għandha tintemm minnufih.

F’kumment mal-ġurnalisti wara li ntemm is-smigħ tal-lum, Delia qal li kien hemm konferma bil-ġurament ta’ wieħed mill-awdituri fuq il-bord tal-aġġudikatura. Qal li fil-Qorti dan ix-xhud ikkonferma dak li ilu jgħid Delia. Delia qal li llum ħarġet konferma għar-raġuni li fetaħ dan il-kawża.

Hu stieden lill-ġurnalisti jakumpanjawh b’ittra li kiteb lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar id-dettalji li ħarġu mix-xhieda tal-lum. Sostna li se jkun qed jistieden lil Fearne biex jassoċja lilu nniffsu miegħu fil-ġlieda biex iwaqqa’ l-kuntratt tal-Vitals.

Filmat: Miguela Xuereb

Wara li ħareġ mill-Ministeru, Delia qal li aġġorna lil Fearne dwar dak li ntqal fil-Qorti. Spjega li tah ittra bl-istedina tiegħu. Irrimarka li ma tahx risposta immedjata iżda li Fearne se jkun qed jitkellem aktar tard dwar is-suġġett.

Intant, fit-Tweet ippubblikata aktard tard, wara din iż-żjara ta’ Delia, Fearne qal li filwaqt li hu laqa’ u sema’ lil Delia, m’għandux bżonn il-gwida tal-avukat Delia fejn tidħol materja ta’ interess nazzjonali. Insista li l-politika Maltija jixirqilha s-serjetà u mhux it-teatrini.

“Il-Gvern ma jitmexxiex bi stunts politiċi” – PL

Intant, il-Partit Laburista f’reazzjoni għal dak li ġara llum qal li jifhem li Adrian Delia qed jikkampanja biex iżomm postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni iżda sostna li Delia jrid jifhem li “dan il-Gvern ma jitmexxiex bi stunts politiċi.”