Delegazzjoni tan-NM titkeċċa min-Nikaragwa

Il-poplu jipprotesta paċifikament fit-toroq tan-Nicaragua

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda tard il-ġimgħa li għaddiet, fuq talba tal-Istati Uniti ddiskuta s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa minkejja l-oppożizzjoni taċ-Ċina, ir-Russja, il-Bolivja u l-Etjopja li ma jqisux is-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż bħala theddida għall-paċi fid-dinja.

“Is-sitwazzjoni fejn hemm imwiet, vjolenza, ripressjoni, kriżi politika u soċjali fin-Nikaragwa hi materja ta’ tħassib kbir fil-Punent”, iddikjara l-Kap tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani lill-Kunsill tas-Sigurtà.

Gonzalo Koncke qal li l-Organizzazzjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fil-pajjiż fuq bażi permanenti.  Mit-18 ta’ April ta’ din is-sena ‘l hawn, mietu 322 persuna fil-pajjiż.

It-talba għad-diskussjoni dwar dan il-pajjiż tressqet wara li ftit jiem qabel il-Gvern keċċa mill-pajjiż delegazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda.  L-Arċisqof ta’ Managua, il-Kardinal Leoplodo Brenes, ikkritika pubblikament din id-deċiżjoni u ddeskriva din it-tkeċċija bħala waħda “deplorevoli u ta’ swied il-qalb.”

Id-delegazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda kienet marret fil-pajjiż lejn tmiem Ġunju bl-iskop li tikkontribwixxi għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi soċjopolitika.

Il-Kardinal għamel din id-dikjarazzjoni fi tmiem il-quddiesa tal-Ħadd li għadda. Hu fakkar li meta l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet Umani kien mistieden iżur il-pajjiż, l-idea kienet li dan kellu jgħin lejn rikonċiljazzjoni u biex jgħin ħalli jkun hemm progress fid-djalogu mal-Gvern. “Personalment inħoss dwejjaq bid-deċiżjoni tat-tkeċċija ta’ din id-delegazzjoni imma aħna nirrispettaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern u nittamaw li din id-deċiżjoni ma jkollhiex konsegwenzi.”

Sadanittant, il-pajjiż kellu aħbar pożittiva, li għandha tinkoraġġixxi lil min isegwi l-ħajja ta’ nkwiet f’dan il-pajjiż.  Is-Soċjetà Inter-Amerikana tal-Istampa tat il-Premju tal-Libertà tal-Istampa għas-sena 2018 lill-Ġurnaliżmu Indipendenti fin-Nikaragwa.  Mons. Silvio Josè Baez, Isqof Awżiljarju ta’ Managua, f’messaġġ fuq Twitter ikkummenta: “Nifraħ minn qalbi lil dawk il-ġurnalisti ta’ pajjiżna, li bix-xogħol nobbli tagħhom, jikkontribwixxu b’mod eċċezzjonali biex ikollna soċjetà ġusta u demokratika.”