Delegazzjoni mill-Vatikan għaċ-Ċina

REUTERS/Aly Song

Il-Vatikan jaf jibgħat delegazzjoni lejn iċ-Ċina qabel l-aħħar ta’ dan ix-xahar. Jekk il-laqgħa bejn il-Vatikan u ċ-Ċina tmur tajjeb, iż-żewġ stati jaf jilħqu ftehim dwar kif jiġu mlaħħqa l-isqifijiet iċ-Ċina skont rapporti li dehru fil-gazzetta tal-istat Ċiniż.

Il-Vatikan u ċ-Ċina jinsabu f’negozjati avvanzati dwar id-diżġwit li nħoloq bejn iż-żewġ stati dwar kif jiġu appuntati l-isqifijiet fiċ-Ċina. Ir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u ċ-Ċina ilhom maqtugħa għal kważi 70 sena, b’wieħed mill-ikbar ostakli jkun kif għandhom jitlaħħqu l-isqifijiet.

Hemm stimat madwar 12-il miljun nisrani fiċ-Ċina li huma maqsuma bejn dawk li jallejaw ruħhom mal-Vatikan u dawk li jallejaw ruħhom mal-Assoċjazzjoni Patrijottika Kattolika li tiġi ssorveljata mill-Istat Ċiniż.

Skont il-gazzetta Global Times fiċ-Ċina li tinħareġ mill-Partit Kommunista fil-Gvern qalet li ma jeżistix diżgwit dwar prinċipji bejn iċ-Ċina u l-Vatikan.

Skont sors li ġie kwotat mill-gazzetta, f’laqgħa li kienet saret qabel fil-Vatikan, il-Vatikan se jkun qed jibgħat delegazzjoni fiċ-Ċina għal-laqgħa lejn l-aħħar ta’ Settembru u jekk din tkun suċċess se jiġi ffirmat il-ftehim.