Delegazzjoni Maltija fil-Vatikan għal Kungress Internazzjonali

L-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, u l-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech, jinsabu l-Vatikan għall-kungress internazzjonali ‘(Re)Thinking Europe’. Din il-laqgħa ta’ djalogu li tibda llum se tlaqqa’ flimkien aktar minn 350 parteċipant mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, fosthom rappreżentanti għolja tal-Knisja u mexxejja politiċi Ewropej, bil-għan li jikkontribwixxu għal riflessjoni kostruttiva dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa.
Id-delegazzjoni Maltija mmexxijja mill-Arċisqof Scicluna tinkludi lil Dr Aaron Farrugia, Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, Dr Roberta Metsola, Membru Parlamentari Ewropej, Dr Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee) u r-Rev. Prof. Emmanuel Agius, Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Huma ġew mistiedna mill-Konferenza Episkopali Maltija biex jipparteċipaw f’dan il-kungress li jintemm għada, is-Sibt, b’udjenza mal-Papa Franġisku.
Il-kelliema ewlenin jinkludu l-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, Frans Timmermans, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani u Pat Cox, President u eks-President tal-Parlament Ewropew, u l-Kardinal Reinhard Marx, President tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej (COMECE).
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta ġew mistiedna jindirizzaw l-ewwel sessjoni tal-kungress li matulha ser jitkellmu dwar l-isfidi tal-integrazzjoni. Matul dawn il-jumejn, il-parteċipanti ser jiddiskutu wkoll x’tip ta’ ekonomija tinħtieġ l-Ewropa, l-istat tad-demokrazija fil-pajjiżi Ewropej u l-kontribut tal-Knisja Kattolika b’risq it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea.
Il-kungress internazzjonali ‘(Re)Thinking Europe’ joffri opportunità ta’ djalogu bejn dawk kollha involuti fil-proġett Ewropew, li jixtiequ jaħdmu favur il-ġid komuni u jpoġġu l-persuna u d-dinjità tagħha fiċ-ċentru tal-politika. Il-kungress huwa organizzat mill-COMECE u s-Santa Sede, fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma. 
Ritratt: Il-Papa Franġisku f'laqgħa mal-mexxejja Ewropej f'Marzu li għadda waqt summit fil-Vatikan.