Delegazzjoni Maltija f’konferenza fl-Afrika t’Isfel

It-tema Self Determination and Self Governance kienet diskussa fil-konferenza b’referenza lejn il-gżejjer Falklands u l-problemi riċenti bejn Ġibiltà u Spanja, fit-33rd Small Branches Conference, organizzata mill-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth, f'Johannesburg.

Id-delegazzjoni Parlamentari Maltija qed titmexxa mill-iSpeaker Anglu Farrugia, flimkien mal-Whips Carmelo Abela u David Agius.

Fil-konferenza, Farrugia għamel intervent dwar il-kwistjoni bejn Ġibiltà u Spanja, li fi kliemu għandha titressaq għad-diskussjoni fil-Parlament Ewropew fuq l-istess inizjattiva tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Farrugia kien appoġġjat mill-Membri Parlamentari tar-Renju Unit.

L-iSpeaker temm jgħid li l-mexxejja preċedenti ta’ Malta għamlu Kostituzzjoni Repubblikana mibnija fuq in-newtralità, u li għadu jinħass il-ġid tagħha sal-passat riċenti, speċjalment fiż-żona tal-Mediterran.

F’Frar li għadda, l-iSpeaker Anglu Farrugia kien ħa sehem ukoll f’konferenza ġewwa Port Stanley fil-Falklands dwar l-istess problemi tal-gżejjer imsemmija.