Delegat tan-Nazzjonijiet Maqgħuda ma jitħallix jitkellem fl-ajruport Libjan

Gazzetta Libjana rrappurtat li d-delegat speċjali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għal-Libja Martin Kobler ġie “umiljat” mill-awtoritajiet ta’ Tripli.
Il-gazzetta “Libya Herald” qalet li l-konferenza tal-aħbarijiet li kien qed jagħti fl-ajruport ta’ Mitiga fi Tripli, ġiet imwaqqfa għaliex “ma kellux permess biex jitkellem hemm”.
Martin Kobler twaqqaf f’nofs il-konferenza fuq struzzjonijiet tal-Kap tal-Midja Barranija, li qal li l-liġi hija ċara u tgħid li kull konferenza tal-aħbarijiet trid issir bil-permess tad-Dipartiment tal-Midja Barranija.
Malli sema’ hekk, Kobler appella biex il-ġurnalisti preżenti ma jitilfux l-akkreditazzjoni tagħhom u wara ftit ħareġ mis-sala fl-ajruport, fejn kien hemm ajruplan qed jistennih biex itir barra mil-Libja.
Għadu mhux ċar għaliex Kobler temm ħesrem il-konferenza tal-aħbarijiet mingħajr ma offra l-ebda oppożizzjoni.
Huwa qed jirrifjuta li jċedi fuq diversi punti fin-negozjati tal-Ftehim Politiku għal-Libja mal-Gvern Nazzjonali Libjan li huwa sanzjonat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.