​Del Piero mhux sejjer l-Ungerija imma l-Indja

Wara nhar il-Ħadd tħabbret li Del Piero se jmur jilgħab mat-tim ta’ Honved fl-Ungerija u jiret in-numru 10 ta’ Puskas, issa ħarġet uffiċjali li Del Piero sejjer l-Indja.
L-eks kaptan ta’ Juventus u Sydney, ħabbar dan fuq is-sit soċjali ta’ Twitter, fejn qal li pprefera l-offerta tat-tim Indjan ta’ Delhi Dynamos.
Fil-fatt Del Piero se jkun l-ambaxxatur il-ġdid tal-Hero Indian Super League, li jintlagħab bejn Ottubru u Diċembru.
Wara dawn it-tliet xhur, Del Piero jista’ jkompli l-karriera tiegħu tal-futbol fil-Major Soccer League tal-Amerka.
Din l-għażla ta’ Del Piero qajmet xi ftit tal-polemika fuq livell diplomatku bejn l-Italja u l-Indja.
Għaldaqstant Del Piero huwa konxju minn din is-sitwazzjoni u huwa lest li jekk hu possibli, jinqeda b’dan it-trasferiment tiegħu fl-Indja biex iġib l-għaqda bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Kompla billi qal li hu bħala plejer tal-futbol se jwassal messaġġ pożittiv marbut mal-valuri tal-isport u biex il-futbol ikompli jikber f’pajjiżi mbiegħda.