Dekasteri ministeri ġodda: Battibekk bejn Abela u Said

Tliet ġimgħat wara l-ħatra tal-Kabinett il-ġdid, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ma kienx f’pożizzjoni jgħid taħt liema ministeri jaqgħu l-entitatjiet u l-bordijiet tal-Gvern, hekk kif il-Gvern baqa’ ma ppubblikax dekasteri ta’ kull ministeru fil-Gazzetta tal-Gvern.

Dan ħareġ f’battibekk bejn il-Ministru Abela u d-Deputat Nazzjonalista Chris Said. Abela kien qed iwieġeb mistoqsija li saret lill-Prim Ministru Robert Abela fejn it-tweġiba kienet biex il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat. Fuq mistoqsijia supplementari Abela ma kienx f’pożizzjoni jgħid taħt liema ministeru taqa’ l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA).

Abela qal li għada kien se jagħmel l-verifiċi meħtieġa biex tiġi żgurat li l-Parlament ikollu lista uffiċjali tal-entitajiet u bordijiet kollha u taħt liema ministeru dawn jaqgħu.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia stqarr li hu kellu lista tal-entitajiet u l-bordijiet, iżda Abela stqarr li dik ma kinitx il-lista uffiċjali.

Said ilmenta li peress li l-Prim Ministru wieġbu biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat, peress li lanqas il-Gvern ma jaf taħt liema ministeru taqa’ l-MCA, hu ma jistax jagħmel xogħlu.

Abela żgurah li dan ma jfissirx li l-istess entitajiet u bordijiet ma jafux taħt liema ministeru jaqgħu.

Fuq mistoqsija tad-Deputat Laburista Glenn Bedingfield, Abela qal li bħalissa għaddej il-proċess biex jinħatru l-bordijiet ġodda.