Informazzjoni sensittiva ta’ ditta legali mxerrda online

Read in English.

Informazzjoni dwar votanti ma kinitx l-unika informazzjoni li ħarġet online minn sistema operata minn C-Planet IT Solutions. Id-database ta’ klijent ieħor “sodisfatt,” tad-ditta legali SZA, li wieħed mill-partners tagħha kien is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qabel ma ħa din il-kariga, issa tinsab online wkoll.

Wara l-ħatra ta’ Zrinzo Azzopardi, id-ditta biddlet isimha għal 360 Legal Malta.

Wieħed mir-riżultati li jitla’ meta tfittex il-kumpanija online hija ħolqa li twasslek għas-sistema interna tad-ditta legali, li tinkludi l-aċċess għall-kontijiet pendenti tagħhom u tal-lista tal-klijenti tagħhom, kif ukoll aċċess għall-usernames u l-passwords mhux encrypted tal-impjegati u l-amministraturi tagħhom. Dawn il-kredenzjali jippermettu lil kwalunkwe persuna li tiskopri din is-sistema permezz ta’ Google biex tidħol u tara d-database tad-ditta bħalissa, inklużi l-kontijiet għal xogħol legali mibgħuta lill-klijenti, u informazzjoni personali ta’ eluf ta’ klijenti, li tmur lura sal-2014.

Id-ditta ndunat b’dan nhar l-Erbgħa li għadda. Ilbieraħ, il-lista ta’ kontijiet pendenti ġiet aġġornata b’kont ieħor. Sal-lum, din is-sistema tniżżlet mill-internet, imma l-lista tal-kontijiet pendenti baqgħat disponibbli permezz tal-caches tas-search engines.

Il-listi tal-klijenti u tal-kontijiet pendenti rahom Newsbook.com.mt. Il-lista tal-kontijiet li SZA bagħtet lill-klijenti tmur lura sat-3 ta’ Frar tal-2014 u tibqa’ sejra sal-1 t’April tal-2020.

Fost il-klijenti hemm l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, il-Ministeru għall-Intern, l-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea, għadd ta’ każini tal-Partit Laburista, kumpaniji b’tender biex jipprovdu apparat mediku u kumpaniji tal-kostruzzjoni bħal Elbros, Tal-Magħtab u Bilom.

Id-dħul tas-sena tal-kumpanija u d-dħul ta’ kull xahar hu aċċessibbli wkoll u ma juri l-ebda bdil fid-dħul tal-kumpanija f’Marzu li għadda.

Sorsi li jaħdmu fis-settur li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt iddeskrivew s-sistema interna tad-ditta legali bħala proġett tal-istudenti li spiċċa mar żmerċ.

C-Planet IT Solutions hija l-kumpanija li kienet qed tieħu ħsieb l-informazzjoni li eventwalment spiċċat inħarġet online. Dalgħodu, it-Times of Malta irrappurtat li l-cache tal-informazzjoni li nħarġet online nħarġet mill-Partit Laburista u turi l-preferenzi fil-voti tal-maġġoranza tal-popolazzjoni.

Apparti dan, kien hemm informazzjoni personali ta’ madwar 337,884 individwu, inkluż ismijiet, indirizzi, dettalji tal-karti tal-identità, u n-numri tal-mowbajl.

Il-kumpanija hija ta’ Philip Farrugia, li kien direttur tal-produzzjoni ta’ ONE Productions. Farrugia huwa miżżewweġ lil Alexia Zrinzo Azzopardi li hija oħt is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, u partner f’SZA.