Dejjem jiżdied il-bżonn ta’ riforma fil-qasam tal-pensjonijiet fl-UE

Iċ-Ċermen tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (European Insurance and Occupational Pensions Authority – EIOPA), Gabriel Bernardino, qal li “hemm bżonn ta' riforma fil-qasam tal-pensjonijiet fl-Unjoni Ewropea, għax il-persentaġġ tal-popolazzjoni tal-UE li hu kopert b'sistemi ta’ pensjoni diċenti huwa baxx wisq”.
Meta kien qed jindirizza lid-disa' Kungress Ewropew dwar il-Fondi tal-Pensjoni, Bernardino ġibed l-attenzjoni tal-kungress għad-differenzi li hemm fost id-diversi sistemi tal-pensjoni li għandna fl-Ewropa, u għall-fatt li fit-28 stat membru hemm sistemi tal-pensjoni fejn tħallas tul is-snin (“Pay-As-You-Go”), oħrajn okkupazzjonali u oħrajn personali, ilkoll bi rwol differenti ħafna minn xulxin.
Irrispettivament mid-differenzi ta' bejniethom, fisser li dawn is-sistemi kollha għandhom quddiemhom l-istess sfidi biex ikunu kapaċi jwettqu l-wegħdiet finanzjarji tagħhom. Huwa qal li dawn l-isfidi jinkludu l-fatt li n-nies qed jgħixu aktar, l-ambjent ekonomiku huwa fjakk, ir-rata ta' impjieg hija baxxa, hemm defiċits baġitarji, ir-rati ta' imgħax huma baxxi, u l-valuri tal-assi huma volatili.
Bernardino żied li  “jinħtieġ li flimkien mal-bidliet li jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjoni Pay-As-You-Go, isiru wkoll riformi li joffru inċentiv għall-ħolqien ta' skemi privati kumplimentari. Dawn jistgħu jkunu pensjonijiet okkupazzjonali jew pensjonjiet personali tat-tielet pilastru.”
Meta kien qed jispjega l-prijoritajiet strateġiċi tal-EIOPA bħala risposta għal dawn l-isfidi, Bernardino qal li dak li għandna bżonn huwa qafas regolatorju robust u proporzjonat fil-livell tal-UE, li jkun kapaċi jirbaħ mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fit-tfaddil fi skemi privati kumplimentari tal-pensjoni. Biex naslu għal dan, il-qafas regolatorju jrid joffri aktar sostenibbiltà, amministrazzjoni b'saħħitha, u trasparenza totali.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt .