“Dejjem f’moħħi għax hemm tibqa’ ħaj” – Duane Laus

Kien bħal-lum 16-il sena ilu li x-xandar Vince Laus ħalliena. Huwa kien miet nhar is-26 ta’ Awwissu 2004. Kellu 59 sena.

Għalkemm għaddew tant snin, Laus jibqa’ sinonimu mal-mużika country u kien jippreżenta bosta programmi b’rabta ma’ dan il-ġeneru, kemm fuq ir-radju, u anki fuq it-televiżjoni. Fost l-aħħar programmi li ppreżenta niftakru The Country Music Show fuq l-istazzjon Super One.

“Dejjem qiegħed f’moħħi għax hemmhekk tibqa’ ħaj,” kiteb ibnu Duane fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. Duane, li huwa miżżewweġ lill-preżentatriċi Angie Laus, huwa wieħed miż-żewġt ulied ta’ Vince u Daphne. Għandu oħtu, Sheri-Lee.

Vince Laus twieled nhar it-Tnejn 1 ta’ Jannar 1945 f’San Ġiljan, Missieru kien is-suġġeritur tas-Salesjani f’Tas-Sliema.

Fl-1963 Vince kien emigra lejn l-Ingilterra fejn tħarreġ u ħadem fis-sengħa tal-istampa. Fl-Ingilterra ltaqa’ ma’ Daphne u żżewġu nhar il-21 ta’ Settembru 1968.

Sakemm kien l-Ingilterra, huwa kien ukoll segretarju tal-fan club tal-grupp popolari The Beach Boys.

Il-mużika country tant kienet għal qalbu li saħansitra waqqaf il-Country Music Appreciation ta’ Malta. Kien fl-1979 li Vince Laus beda jxandar programmi tal-mużika country fuq l-istazzjon tar-radju Leħen il-Ħbiberija. Huwa ngħaqad mal-istazzjon Super One f’Awwissu 1991.

Għalkemm għaddew is-snin, il-memorja ta’ Vince tibqa’ ħajja fost ħafna Maltin li jsegwu l-mużika country, kif ukoll f’qalb ħafna xandara li matul is-snin kellhom ix-xorti li jaħdmu fil-qrib miegħu.