​“Dehru jkaxkruh u ftit wara bdew jaħslu d-demm”

Illum bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra żewġ aħwa rġiel akkużati bil-qtil ta’ Libjan f’Birkirkara, fil-25 ta’ Novembru li għadda.
Fil-Qorti, instema’ x’wassal għall-mewt ta’ Fouzi Fari Etwaish ta’ 40 sena, li nqatel fid-dar tal-akkużati fi Triq il-Bwieraq: Siraj SB Shalgum ta’ 36 sena u Husain Saleh Belgasem Shalgum ta’ 31 sena.
L-Ispettur James Grech f’isem il-Prosekuzzjoni qal li mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà jidher li bejn l-għajat u l-wasla tal-għajnuna għaddew aktar minn siegħa u nofs.  Fil-filmat jidher ukoll il-vittma jaqa’ u jinstabat fuq il-bankina, u jaħbat wiċċu ma’ karozza pparkjata.  L-akkużati jidhru wkoll ikaxkruh u ftit wara bdew jaħslu d-demm.
L-Ispettur qal li kollox beda meta fl-għassa wasslitilhom informazzjoni li persuna tgerbet it-taraġ u li fl-istess waqt raġel b’aċċent Għarbi ċempel għal ambulanza.  Qal li aktar tard, l-infermiera li rrispondiet it-telefonata qalet li ma setgħetx tifhem ċar lil min ċempel imma li ssemmew ġrieħi minn daqqiet ta’ sikkina.
Malli waslu fuq il-post, il-pulizija sabu dbabar tad-demm qrib il-bieb tad-dar, fit-taraġ u fil-kċina.  Barra d-dar kien hemm ukoll ammont konsiderevoli ta’ ilma ħamrani mdardar bis-sapun, li jindika li xi ħadd ipprova jaħsel it-traċċi tad-demm qabel ma jaslu l-pulizija.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużati qalu li ma kellhomx argumenti mal-vittma, iżda l-ġirien tagħhom qalu li qamu fis-1.30am bi twerżieq u tisbit mid-dar tagħhom.
Waqt l-interrogazzjoni, wieħed mill-aħwa qal lill-Pulizija li l-vittma kien qed joqgħod fid-dar tagħhom għal xi ġimgħat.  Qal ukoll li l-vittma ħareġ ma’ ħuh ftit sigħat qabel l-inċident.
L-akkużat l-ieħor qal lill-Pulizija, li ftit qabel ma’ waqa’, ir-raġel kien qed iqatta’ l-ħaxix biex jipprepara ikla, waqt li kien fis-sakra.  Wieħed mill-aħwa aktar tard ammetta li l-argument faqqa’ għax xtara ikel take away għalih biss.
Il-każ se jkompli wara l-Milied.