Dehra ġdida lill-app ta’ Newsbook

Wara sena minn meta ħarġet l-ewwel verżjoni tal-app Newsbook, li tipprovdi aħbarijiet bil-Malti, nħasset il-ħtieġa li tiġi żviluppata t-tieni verżjoni. Dan sabiex jiġi mtejjeb id-disinn u jiżdiedu iktar kategoriji ta’ aħbarijiet.
L-app għandha disinn ġdid li jikkumplimenta s-sit u jimxi mal-prinċipji l-ġodda u moderni ta’ disinji fl-apps u fis-siti. Dan il-prinċipju jissejjaħ flat design, fejn il-kuluri ntgħażlu biex ikunu iktar vivaċi.
L-ewwel bidla tidher fuq l-icon u f’kull paġna ta’ ġol-app. Dan id-disinn ġie magħmul biex jikkumplimenta l-verżjonijiet il-ġodda tas-sistemi operattivi tal-iPhone u l-Android fosthom IOS7 u Android KitKat.
Apparti d-disinn, l-app issa għandha aċċess għal żewġ kategoriji ġodda provduti minn Newsbook. Dawn jinkludu il-kategoriji ‘Vatikan’ u ‘Sports’. Importanza u attenzjoni ġiet mgħotija għal prestazzjoni biex tinfetaħ l-app, u għalhekk l-app għandha titla' iktar malajr mill-verżjonijiet ta’ qabel.
Ġiet imtejba wkoll is-sistema tan-notifikazzjonijiet, biex malli tirċievi aħbar importanti bħala notifika, l-app titla’ immedjatament biex tipprovdilek aktar dettalji.
Issa saret iktar faċli biex tibgħat l-artiklu li tkun qiegħed taqra. F’kull paġna, għandek issib il-buttuna biex tibgħat l-artiklu u ttik aċċess biex tuża liema mezz tixtieq, fosthom Facebook, Twitter, Imejl jew SMS.
Din l-app, oriġinarjament ġiet żviluppata mill-kumpanija Vioside (www.vioside.com) li tiżviluppa apps għall-iPhone u Android fosthom FindaDrive Malta, it-tastiera Maltija Malti u Malta Mass.
Issa, Vioside żviluppaw ukoll Newsbook 2, flimkien mat-tim ta’ Newsbook u Rightbrain.