Dehra ġdida għall-faċilità tal-Federazzjoni Maltija Lotta

Il-faċilità tal-Federazzjoni Maltija Lotta fin-Naxxar għadha kemm ingħatat ħajja ġdida wara li sar investiment ta’ madwar €25,000.
Il-proġett ikkonsista fl-installazzjoni ta’ parquet u għamara ġdida fl-uffiċċju, żebgħa u tikħil tal-ħitan u s-soqfa kollha tal-ġinnasju u l-uffiċini, it-tibdil tat-twieqi u installazzjoni ta’ fannijiet ġodda, kif ukoll PA system ġdida.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport qal li ‘l quddiem se jiġi installat ukoll arloġġ diġitali li se jgħin lill-atleti fit-taħriġ tagħhom.
Waqt id-diskors tal-inawgurazzjoni, s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li l-għan tal-Gvern f’dan il-qasam huwa li kull dixxiplina sportiva tingħata l-opportunità li tiffjorixxi.
Il-Federazzjoni Maltija Lotta twaqqfet fl-1969 mill-Kavallier Simon Bonello u hi affiljata mal-Kumitat Olimpiku Malti u l-United World Wrestling Federation.
Għall-inawgurazzjoni kienu preżenti l-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Dr Chris Bonnet u s-Segretarju tal-Federazzjoni Maltija Lotta, Pierre Cassar.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut