“Deħlin Ġenova”- l-erbat iħbieb lill-ġenituri qabel it-traġedja

Erbat iħbieb Taljani, li fl-aħħar minuta ddeċidew li jsuqu minflok itiru għall-btala tagħhom fi Franza, ikkuntattjaw lill-ġenituri tagħhom fil-11am nhar it-Tlieta u qalulhom li “deħlin Genova”, madwar nofs siegħa qabel tilfu ħajjithom meta ċeda l-pont.

Matteo Bentornati, Giovanni Battiloro, Gerardo Esposito u Antonio Stanzione ġew identifikati mill-midja Taljana, li huma fost mill-inqas 39 vittma tat-traġedja ta’ Ġenova.

L-erbat iħbieb kienu ppjanati li jqattgħu btala flimkien bejn Nizza u Barċellona.

Fost il-vittmi wkoll, Andrea Vittone, missier ta’ 49 sena, martu Claudia Possetti ta’ 48, sena u t-tfal tagħhom Manuele u Camilla Bellasio ta’ 16 u 12 il-sena.

Alberto Fanfani ta’ 32, anestetista u s-sieħba Marta Danisi ta’ 29 sena, infermiera, ukoll instabu bla ħajja fit-terrapien. Il-koppja kienet mistennija li tiżżewweġ is-sena d-dieħla.

Il-pont Morandi ċeda għall-ħabta tal-11:30am nhar it-Tlieta meta kien ippakjat b’nies jivvjaġġaw bil-karozzi tagħhom, xufiera fit-trakkijiet u nies sejrin għall-btala, ilkoll fi triqithom lejn il-belt qrib il-port.

Il-vittmi huma minn kull rokna tad-dinja, magħquda bil-fatt li nzertaw kienu fuq l-istess parti tal-pont fil-mument li ċeda u kaxkarhom miegħu.

Mhux il-vittmi kollha kienu fil-karozzi: tliet irġiel tilfu ħajjithom meta nzertaw taħt il-pont u tunnellati tal-konkrit waqgħu fuqhom.

Bruno Casagrande u Mirko Vicini, li kienu jaħdmu ma’ aġenzija tat-tindif tgħaffġu taħt il-pont, u l-istess Alessandro Campora ta’ 46 sena li kien jaħdem ma’ ditta privata.

Oħrajn kienu żagħżagħ bil-btajjel. Stella Boccia, ta’ 24 sena spiċċat mirduma mal-għarus tagħha Carlos Jesus Truillo, wejter ta’ 23 sena. Il-ġenituri ta’ Stella kitbu onlajn li biċċa minn qalbhom se tibqa’ għall-dejjem taħt it-tifrik f’Ġenova.

Koppja żagħżugħa oħra – Nathan Gusman ta’ 20 sena u Melissa Artus ta’ 22 sena – li kienu qed isuqu minn Montpeiller fi Franza lejn Sardinia, tilfu ħajjithom ma’ Axelle Nemati Alizè Plaze ta’ 20 sena.

Elisa Bozzo ta’ 34, kitbet fuq Facebook “kif nista’ ma niċċelebrax il-ħajja” iżda nhar it-Tlieta sħabha ddisprati użaw l-istess sit biex jippruvaw isibuha ħajja. It-tfittxija sfaxxat fix-xejn meta l-Erbgħa filgħodu ġiet konfermata mejta.

Mit-tifrik, inħareġ ukoll il-katavru ta’ Juan Carlos Pastenes ta’ 64 sena, kok miċ-Ċili li għix fl-Italja għal 30 sena, flimkien ma’ martu Nora Rivera.

Marian Rosca ta’ 36 sena mir-Rumanija kien qed jgħix u jaħdem fi Franza u jaħdem bħala xufier ta’ trakk biex iġemma’ l-flus, jibni dar u jiżżewweġ lura f’pajjiżu.

Marius Djerri ta’ 22 sena u Edy Bokrina mill-Albanija kienu fi triqithom għal biċċa xogħol ta’ tindif meta għebu fit-traġedja.

Luigi Matti Altadonna ta’ 35 sena, missier ta’ erbat itfal li jbiegħ logħob tal-kompjuter kien qed ilesti l-aħħar vjaġġ tax-xogħol meta tilef ħajtu fit-trakk tiegħu. Il-kollega tiegħu Gianluca Ardini ta’ 29, li kien passiġġier miegħu fit-trakk, u li mistenni jsir missier ix-xahar id-dieħel, irnexxielu jaħrab mit-tifrik bi spalla mhix f’postha wara li ddendel ma’ wires tal-metall.

Andrea Cerulli ta’ 48 sena li kien jilgħab mat-tim ta’ Genoa Club Portuali Voltri u missier ta’ tifel żgħir, tilef ħajtu fi triqtu lejn ix-xogħol.

Erba’ persuni inħarġu ħajjin mill-karozzi li nstabu mgħaffġa taħt it-tifrik tal-pont, filwaqt li żewġ imħażen li jinsabu taħt il-pont kienu vojta minħabba li kienu magħluqa għall-btajjel tas-sajf.