Deheb u Fidda għal Malta fil-kampjonati FIBA ta’ taħt is-16-il sena

Intemmu b’suċċess il-kampjonati FIBA tal-baskitbol ta’ taħt is-16-il sena li saru f’Malta.
It-tim tal-ġuvintur immexxi mill-kowċ Gabriele Alesse, rebaħ il-ħames logħbiet li lagħab u b’hekk rebaħ il-midalja tad-deheb.
L-ewwel rebħa kienet fuq Andorra 63-61 u wara rebħu lil Wales 65-46.
Malta rreġistrat it-tielet rebħa li kienet waħda minima fuq San Marino u kellu jkun Alec Felice Pace li jiskurja meta kien għad fadal sekondi biex tispiċċa l-logħba.
Malta għelbet faċilment lil Ġibilta’ 59-33 u hekk kienu l-Maltin li akkwistaw il-midalja tad-deheb.
Il-plejer Malti Kurt Cassar, li skurja aktar minn 20 punt kull logħba f’din il-kompetizzjoni, ġie magħżul bħala l-MVP (most valuable player) tal-kompetizzjoni.
F’din il-kompetizzjoni Andorra u Wales spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.
Mill-banda l-oħra t-tim tat-tfajliet, taħt it-tmexxija ta’ Sandro Farruġia, kellu jikkuntenta bil-midalja tal-fidda hekk kif tilef l-aħħar logħba kontra ċ-ċampjins Skoċċiżi 53-44.
Malta kellhom tliet rebħiet kbar, l-ewwel fuq Ġibilta 66-22, imbagħad Wales 60-38 u wara kontra Andorra 68-30.
L-aħħar logħba setgħet tmur kull naħa hekk kif iż-żewġ timijiet ma kienu rreġistraw l-ebda telfa.
Spikkat l-għejja fuq it-tfajliet Maltin u s-superjorita’ tal-Iskoċċiżi li rebħu l-midalja tad-deheb biex Malta tilfet il-logħba bi skor minimu u kellha tikkuntenta b’midalja tal-fidda.
Il-midalja tal-bronż intrebħet mill-Andorra.
Nicole Agius kienet magħżula parti mill-aħjar plejers tal-kompetizzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius, flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ppreżentaw l-midalji u t-trofej lir-rebbieħa.
Għaċ-ċerimonja finali kienu preżenti wkoll il-viċi president tal-Kumitat Olimpiku Malti Mark Cutajar u d-Direttur fi ħdan l-istess kumitat Jonathan Vella.
L-Onor. Agius feraħ lill-kowċ u l-plejers għas-suċċess miksub, filwaqt li faħħar l-organiżżazzjoni ta’ kompetizzjoni ta’ dan il-livell mill-MBA.
Awgura li aktar assoċjazzjonijiet jattiraw kompetizzjonijiet ta’ dan il-livell lejn pajjiżna sabiex jiġi ġġenerat it-turiżmu sportiv u l-atleti Maltin iwessgħu l-esperjenza tagħhom.