Degiorgio jitlob lill-Qorti tordna tweġiba mill-Kap tas-Servizzi Sigrieti

Read in English.

Wieħed mit-tliet persuni li jinsabu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jitlob lill-Kap tas-Servizzi Sigrieti ta’ Malta biex jgħid jekk kienx hemm mandat biex jiġi interċettat il-mowbajl tiegħu b’rabta mal-assassinju.

F’rikors ġudizzjarju, George Degiorgio qed jisfida l-liġi li tagħti l-poter lis-Servizzi Sigrieti biex jinterċettaw telefonati quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Il-Kap tas-Servizzi Sigrieti Joseph Bugeja u l-investigatur ewlieni Keith Arnaud taw ix-xhieda tagħhom fil-kawża kostituzzjonali li nfetħet mill-avukat William Cuschieri li qed jidher għal George Degiorgio. Fl-istess kawża qed tiġi attakkata l-evidenza mill-mowbajl minħabba l-ittappjar.

Fis-seduta tat-8 ta’ Jannar li għadda, l-Ispettur Keith Arnaud qal lill-Qorti li huwa ma vverifikax jekk inħariġx mandat biex isir tapping fuq il-mowbajl.

Fl-istess seduta xehed ukoll Bugeja. Ir-rikors, iffirmata minn Cuschieri, tirreferi għax-xhieda ta’ Bugeja li qal lill-Qorti li l-mandat biex jiġi ttappjat il-mowbajl inħareġ fi Frar 2017. Cuschieri nnota li Bugeja naqqas milli jgħid jekk il-mandat ingħatax minħabba l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

L-avukat Cuschieri talab lill-Qorti biex tordna lil Bugeja jwieġeb għall-mistoqsija li ma kienx wieġeb dwar il-mandat.