Degiorgio jgħid li hu vittma ta’ frame-up

Wieħed mit-tliet irġiel li ġie akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal li hu vittma ta’ frame-up. George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniż kien identifikat mill-Pulizija bħala l-persuna li kkawża l-isplużjoni tal-bomba li qatlet lill-ġurnalista.

Degiorgio kien fuq id-dgħajsa tiegħu, Maia taħt il-qanpiena tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta fil-ħin li intbgħat il-messaġġ biex tinqatel il-ġurnalista. Din l-evidenza kienet ippreżentata mill-Pulizija.

Caruana Galizia kienet inqatlet nhar is-16 ta’ Ottubru is-sena l-oħra permezz ta’ bomba li kienet imwaħħla mal-karozza.

It-tliet irġiel kinu arrestati f’Diċembru u ġew akkużati fil-qorti bil-qtil tal-ġurnalista. It-tlieta li huma, huma magħrufa għal serje ta’ atti kriminali serji. Madankollu, f’applikazzjoni kostituzzjonali ppreżentata dalgħodu, l-avukat ta’ Degiorgio talab lill-qorti biex tiddikjara li d-dritt tal-klijent tiegħu għal smigħ xieraq kien miksur.

Degiorgio sostna li minkejja li l-prosekuzzjoni wriet filmat tal-bastiment Maia li daħal u ħareġ mill-Port il-Kbir, wieħed mill-uffiċjali li ppreżenta x-xhieda qal li ma kienx moralment ċert li l-bastiment li ġie muri kien fil-fatt il-Maia.

Il-Pulizija talbet lill-qorti biex tinnomina esperti biex ikunu identifikati l-bastimenti kollha li daħlu u ħarġu mill-Port il-Kbir bejn is-2.30pm u t-3.30pm nhar is-16 ta’ Ottubru 2017 u jqabbluhom mar-ritratt tal-Maia.

L-Avukat difensur qal li l-prosekuzzjoni mhux biss ma kelliex provi kontra Degiorgio iżda lanqas kellhom provi li l-bastiment li deher fuq il-filmat kien propju Maia. Hu kompla billi qal li dan ma kienx xi każ fejn il-Pulizija kellha taħtar espert tekniku għax id-dgħajsa fil-filmat lanqas hija rikonoxxibbli. Hu qal li din kienet biss skuża biex l-akkużat ikun jista’ jiġi arrestat.