Degiorgio jdaħħal rikors dwar trattament “inuman” fil-ħabs

iNews

George Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, daħħal rikors ġudizzjarju li jakkuża lid-Direttur ta’ Kordin bi trattament inuman u degradanti. Degiorgio qed isostni li ma ngħatax it-trattament meħtieġ għall-uġigħ li għandu fi spalltu.

Din ma kinitx l-ewwel darba li huwa lmenta fuq trattament ta’ din ix-xorta mill-uffiċjali tal-ħabs.

AQRA: 1 mill-akkużati jilmenta dwar it-trattament fil-ħabs

Degiorgio qal li qed isofri minn uġigħ persistenti u li ma jifilħux fi spalltu, u li l-awtoritajiet tal-ħabs m’huma jagħmlu xejn biex jgħinuh, apparti milli jtuh pilloli għall-uġigħ li serrħuh biss għal ħin qasir. Dan minkejja li huwa ta lill-istess awtoritajiet isem it-tabib tiegħu.

L-avukat ta’ Degiorgio argumenta li dan huwa trattament degradanti u inuman skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u informa lid-direttur li jekk ma tingħatax kura medika xierqa, jittieħdu passi mingħajr twissija.