Defiċit ta’ €900 miljun għall-ewwel sitt xhur tas-sena

Miguela Xuereb

Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, il-finanzi tal-Gvern irreġistraw żbilanċ ta’ €895.6 miljun. Dan kien konfermat minn ċifri li ħarġu llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019, l-ispejjeż tal-Gvern żdiedu bi 17% bejn Jannar u Ġunju filwaqt li d-dħul tal-Gvern naqas b’15.9%. Dan wassal biex il-Fond Konsolidat tal-Gvern sal-aħħar ta’ Ġunju kellu €895.6 miljun. Id-defiċit żdied b’€739.5 miljun meta kkumparat mal-€156.2 miljun fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

L-effetti tal-pandemija tal-Covid-19 spikkaw f’dan l-aħħar rapport tal-NSO fuq il-finanzi tal-Gvern. Fost l-ispejjeż tal-Gvern għal dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena kien hemm €154 miljun li ntefqu fil-COVID-19 Wage Supplement.

Iċ-ċifri tal-NSO juru li l-Gvern naqqas id-dħul mill-Income Tax u anki mill-VAT minħabba li fl-istess perjodu għadd ta’ negozji kellhom jagħlqu minħabba l-pandemija.

F’Marzu li għadda, l-Gvern kien qed ibassar li din tkun sena ta’ defiċit rekord hekk kif il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien qal li l-Gvern qed jippjana li jonfoq iktar minkejja li se jonqoslu d-dħul.

Fil-grafika tista’ tara kif inhuma mqassmin il-finanzi tal-Gvern: