Deċiżjonijiet u konklużjonijiet

Robert-Abela
Miguela Xuereb

Miktub minn Salvu Felice-Pace 

Segwejt id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd li għadda. L-istil ta’ Abela huwa x’aktarx reattiv għall-kritika li ssirlu dwar deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-Gvern fil-jiem u ġimgħat li għaddew. Ftaħar bil-kbir bir-riformi li ddaħħlu minn mindu hu sar Prim Ministru u fost dawn semma r-riformi li ġew bis-saħħa tal-Kummissjoni Venezja. Iridna nkunu grati għar-riformi li qed jiġu imposti fuqna, għax kellna gvern totalment irresponsabbli bil-mod li ħarbat għal kollox s-saltna tad-dritt f’pajjiżna mill-2013. L-immaturità li wrew il-Ministri u l-membri Parlamentari Laburisti, inkluż fosthom Robert Abela, li rridikulaw lis-soċjetà ċivili għax sostniet li jekk ir-riformi ma jsirux mill-Gvern, iridu jsiru mill-istituzzjonijiet Ewropej, wasslitna f’din is-sitwazzjoni. U qegħdin eżattament fl-istess sitwazzjoni bil-Moneyval fis-settur tal-ekonomija. Ġibna l-ġebla fuq saqajna u fi kliem il-Prim Ministru għandna nkunu grati li qed inwettqu dak li qed jgħidilna ħaddieħor.

Politiċi f’pożizzjonijiet għolja jieħdu deċiżjonijiet dwar dak li jgħidu jew ma jgħidux.

Abela ftaħar li din it-tieni leġislatura mhux bħal dawk li jsofru minn staġnar wara l-entużjażmu li ġġib magħha kull l-ewwel leġiżlatura jkun xi jkun il-kulur politiku tagħha. Memorja żbaljata jew qarrieqa. L-ewwel leġiżlatura ta’ Joseph Muscat kienet dik li ħolqot il-problemi li ġabet magħha l-korruzzjoni istituzzjonalizzata. Muscat ma telaqx għax ried jitlaq, iżda għax ġie mkeċċi bis-saħħa li wriet is-soċjetà ċivili. Dan huwa fatt li għall-ewwel Abela bħala Prim Ministru kien injorah għal kollox bħal meta kien innomina lil Konrad Mizzi biex jirrappreżenta lil Malta fl-OECD.  Forsi kien għadu f’dellirju mit-tgħanniq bejnu u bejn Konrad waqt l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Laburista. Jekk illum Konrad sar pariah, l-avukat ġenerali telaq u għandna Kummissarju tal-Pulizija ġdid, huma kollha effetti tas-sitwazzjoni prekarja li ħalla warajh Muscat, grazzi għal  dawk, inkluż Abela, li sostnewh fil-poter u anke ħallewh jiddeċiedi d-data kemm meta telaq minn Prim Ministru kif ukoll mill-Parlament. Deċiżjonijiet ittieħdu  għax ma kien hemm l-ebda alternattiva.

Politiċi f’pożizzjonijiet għolja jieħdu deċiżjonijiet dwar dak li jgħidu jew ma jgħidux. Abela determinat li Roberta Metsola tibqa’ persona non grata f’għajnejh u mhux se jifirħilha. Hu kkonkluda li jagħmel dan, u hawn jidħlu l-konklużjonijiet, għax hi u oħrajn fottewlu l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti li bil-flus li daħlu seta’ jagħti l-miljuni lil Puttinu. Waħħal fiha wkoll li l-Kummissjoni Ewropea fetħet proċess kontra Malta. Dan huwa diskors fil-vojt iżda fl-istess ħin perikoluż. Għax tagħti n-nar lil ħatab tal-mibegħda. Tkellem kemm irid aktar nisa fil-politika basta ma jkunux bħal Metsola. Abela konxju għala l-Kummissjoni Ewropea ħadet passi. L-abbużi li ħalla jsiru Joseph Muscat u dawk li ħallewh jagħmilhom jaħtu għal dan u mhux min tkellem biex l-affarijiet isiru sew. Jekk il-gvern ta’ Abela jnaqqas is-salarji eżaġerati lil dawk ta’ madwaru u jieqaf milli joħloq aktar impjiegi mhux produttivi mal-Gvern ikollu biżżejjed biex jgħin lil Puttinu u iżjed.

Jekk hemm Maltin li jistħu jgħidu li huma Maltin minħabba li Joseph Muscat ħammrilna wiċċna, ta’ min hu t-tort? Fis-snin 70 meta kelli bżonn immur fl-uffiċċji tal-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra kont inkun iffaċċjat b’ritratti ta’ Lorry Sant u ta’ Mintoff. Dik in-nuqqas ta’ serjetà u korrettezza kienet tagħmilni mistħi li kont Malti. U meta Abela jirrepeti li kemm lilu kif ukoll lil membri tal-forzi armati parti mis-soċjetà ċivili jridu jarawhom il-ħabs, jaf sewwa, li waqt li jkun jistad għall-voti tal-estremisti, fl-istess ħin ikun qed jagħmilna wkoll mistħija li ngħidu li aħna Nsara.

Miktub minn Salvu Felice-Pace