Deċiżjonijiet finali dwar l-Iran sal-aħħar ta’ Ġunju

Ġie estiż għall-aħħar ta’ Ġunju ż-żmien sa meta trid tittieħed deċiżjoni dwar il-programm nukleari tal-Iran.
Dan hekk kif mexxejja tal-qawwiet il-kbar madwar id-dinja u l-Iran ma waslux għal ftehim komprensiv biex il-pajjiż jillimita l-ħidma tiegħu f’dan il-qasam.
L-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja ilhom f’diskussjonijiet mal-Iran mis-sena li għaddiet wara li laħqu l-ewwel ftehim b’mod ġenerali.
Imma issa d-dettalji għadhom mhumiex maqbula kompletament u d-diskussjonijiet se jibqgħu għaddejjin sal-1 ta’ Marzu, b’dettalji tekniċi speċifiċi jiġu kkonfermati sal-1 ta’ Lulju.
L-Iran qed jiffaċċja sanzjonijiet minn diversi pajjiżi biex jillimitawlu l-programm nukleari tiegħu minkejja li qed jibqa’ jinsisti li jrid biss enerġija nukleari mhux armamenti.