Deċiżjoni tal-qorti tista’ tbiddel l-operat tal-Airbnb

Nhar it-Tlieta, l-ogħla qorti tal-Ewropa kkonfermat il-liġi ta’ Franza li tirrikjedi l-awtorizzazzjoni muniċipali għal kirjiet ta’ proprjetà għal żmien qasir minn pjattaformi bħal Airbnb, deċiżjoni li tista’ twassal biex diversi bliet oħra jieħdu azzjoni f’dan ir-rigward.

“Il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni għal kirjiet fit-tul tikkostitwixxi raġuni sottostanti fir-rigward tal-interess pubbliku li tiġġustifika din il-leġiżlazzjoni,” iddikjarat il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Grupp ta’ 22 belt Ewropea qed jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ regoli aktar stretti għal Airbnb u pjattaformi oħra ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, fejn akkużaw lil dawn tal-aħħar li qed jgħollu l-prezzijiet tal-proprjetà għax dawn qed jiġu meqjusa bħala lukandi.

F’Pariġi, żewġ sidien li krew l-appartamenti tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-belt kellhom iħallsu multi, u dan wassal biex huma jappellaw kontra din id-deċiżjoni anke quddiem l-ogħla qorti Ewropea, li qatgħet is-sentenza kontrihom nhar it-Tlieta u ddeċidiet li s-sentenza ta’ Franza “hija konsistenti mal-liġi tal-UE”.

Is-Sindku ta’ Pariġi, Anne Hidalgo, tat ir-reazzjoni tagħha għal din id-deċiżjoni fuq Twitter. “Din ir-rebħa, li kienet mistennija minn diversi bliet, timmarka punt importanti fejn tidħol is-superviżjoni ta’ kirjiet u tikkostitwixxi pass ‘il quddiem lejn il-ġustizzja għal kulħadd fil-qasam tal-akkomodazzjoni,” qalet fi tweet nhar it-Tlieta filgħodu.