Deċiżjoni rtirata dwar l-elezzjoni bikrija fil-PN

Il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Richard Muscat ikkonferma li matul din il-ġimgħa kien hemm deċiżjoni rtirata dwar l-organizzazzjoni ta’ elezzjoni bikrija għall-karigi fil-Partit Nazzjonalista. Huwa kkonferma wkoll li kellu talbiet biex issir l-elezzjoni bikrija u li rtira d-deċiżjoni f’qasir żmien.

Muscat, li huwa l-Kap tal-Kummissjoni Elettorali maħtura mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk hux minnu li kienet se ssir elezzjoni bikrija.

Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu li matul din il-ġimgħa rċivew konferma li l-elezzjoni bikrija kienet se ssir il-Ħadd bejn l-10am u nofsinhar iżda din id-deċiżjoni kienet irtirata ftit wara.

Għal dawn l-elezzjonijiet interni hemm 89 persuna eleġibbli li jivvutaw.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u l-President tal-Forum tal-Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini qed jikkontestaw għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Amministrattiv. Filwaqt li għall-kariga ta’ President tal-Kumitat Eżekuttiv qed jikkontestaw Alex Perici Calscione u Graziella Schembri Attard Previ. Fl-irwol ta’ Teżorier mistenni jkun ikkonfermat Charles Selvaggi.

AQRA: 5 jikkontestaw 3 karigi fil-PN

Mistoqsi jgħid x’wassal biex jirtira d-deċiżjoni li ssir elezzjoni bikrija, Richard Muscat qal li dak kien “l-ewwel mument li ddeċidejna” u d-deċiżjoni kienet għadha mhux pubblika. Fisser kif il-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet li la darba l-istatut tal-Partit Nazzjonalista ma jsemmix elezzjonijiet bikrija, ma kienx l-irwol tal-Kummissjoni li temenda jew iżżid ma’ dawn ir-regoli stabbiliti.

Stqarr li huwa l-Eżekuttiv tal-partit li jiddeċiedi filwaqt li qal li dwar dan l-elezzjonijiet “qatt ma kien hemm elezzjoni bikrija”. Intant, sorsi qalu li elezzjoni bikrija kienet għal diversi drabi organizzata għal elezzjonijiet interni fil-PN.

Richard Muscar saħaq li b’din id-deċiżjoni tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet qed timxi fuq “kunċett ta’ kumitat” li skont Muscat kien li “maġġoranza ta’ dawk preżenti fil-kumitat tiddeċiedi”.

L-elezzjoni għall-ħatra ta’ dawn l-Uffiċjali se tkun nhar il-Ħamis 4 ta’ Lulju fid-Dar Ċentrali tal-PN.