Deċiżjoni mportanti mill-Knisja dwar it-tneħħija tal-utru f’ċerti każi

Il-Papa Franġisku jindirizza lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi

Il-Papa Franġisku kkonferma deċiżjoni tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi li t-tneħħija ta’ organu riproduttiv li ma jkunx kapaċi iwassal tqala sat-tmiem tagħha m’għandux jitqies bħala steriliżazzjoni – li hi u tibqa’ illeċita – u allura ‘hysterectomy’ tkun leċita meta l-utru ma jibqax tajjeb għall-prokreazzjoni.

F’udjenza li kellu mal-Kardinal Luis Ladaria, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, il-Papa approva din il-pożizzjoni u ordna li tkun pubblikata.

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenith” ippublikat staqrrija li ħarġet il-Kongregazzjoni nhar il-Ħamis li għadda b’risposta għal domanda li kienet irċiviet is-sena li għaddiet dwar dan is-suġġett. Xi ħadd kien staqsa lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi: “Meta jinstab li l-utru ikun fi stat irriversibbli li ma jkunx tajjeb għall-prokreazzjoni, u l-esperti mediċi jaslu għall-konklużjoni ċerta li eventwali tqala twassal għal abort spontanju qabel il-fetu jasal għal stat vijabbli, jista’ wieħed ineħħi l-utru (hysterectomy)?

Wara li qieset u studjat il-problema bl-għajnuna tal-esperti, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi wieġbet fl-affermattiv, jiġifieri li f’ċirkostanzi bħall dawn ikun leċitu li jitneħħa l-utru uppublikat ir-raġunijiet li wasslu għal din il-konklużjoni.

“Id-domanda tirrigwarda każi estremi, li huma differenti minn dawk li fl-1993 kien wasslu lill-Kongregazzjoni tasal għal deċiżjoni differenti. Id-domanda attwali hi differenti għaliex f’dan il-każ l-esperti mediċi waslu għal deċiżjoni ċerta li f’każ ta’ tqala din tkun interrotta spontanjament qabel il-fetus jasal f’sitwazzjoni vijabbli. Din mhux kwestjoni ta’ diffikulta jew riskji kbar jew żgħar, imma qed nitkellmu dwar koppja li mhux possibbli tipprokrea.

“L-iskop ta’ steriliżazzjoni hu li jimpedixxi l-organi riproduttivi milli jiffunzjonaw u l-malizzja tal-isteriliżazzjoni tikkonsisti fil-fatt li wieħed jirrifjuta ‘l ulied.  Għall-kuntrarju fil-każ kunsidrat issa mill-Kongregazzjoni għad-domanda li saritilha, hu magħruf li l-organi riproduttivi mhux kapaċi jipproteġu tarbija konċeputa sakemm din issir vijabbli, jiġifieri mhux kapaċi jaqdu l-funzjonijiet prokreattivi naturali tagħhom.

“L-iskop tal-proċess prokreattiv hu li ġġib tarbija fid-dinja, iżda f’dan il-każ it-twelid ta’ fetu ħaj m’hix bioloġikament possibbli. Allura wieħed mhux qed jitkellem dwar funzjonament difettuż jew riskjuż ta’ organu riproduttiv, imma dwar sitwazzjoni fejn l-iskop naturali li ġġib tarbija ħajja fid-dinja, ma jistax jintlaħaq.

“Il-proċedura medika tat-tneħħija tal-utru ma jistax titqies li hi kontra l-prokreazzjoni għax qegħdin f’kuntest fejn la l-prokreazzjoni u anqas azzjoni kontra l-prokreazzjoni, ma huma possibbli. Li tneħħi organu riproduttiv li mhux kapaċi jwassal it-tqala sat-tmiem tagħha ma jistax jitqies bħala steriliżazzjoni diretta, li fiha nfisha tibqa’ ħaġa ħażina u illeċita.

“Il-kriterji biex wieħed jivvaluta jekk tqala setgħet jew ma setgħetx titwassal sal-punt li tkun vijabbli, hi kwestjoni medika. Mil-lat morali wieħed irid jara jekk intlaħaqx l-ogħla grad ta’ ċertezza medika u r-risposta tkun valida għad-domanda la saret bi ħsieb tajjeb”.

“Zenith” kompliet tirrapporta li r-risposta tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi ma tgħidx li d-deċiżjoni li persuna tagħmel hysterectomy hi dejjem tajba, imma fiċ-ċirkostanzi msemmija biss din id-deċiżjoni tkun moralment leċita, mingħajr ma wieħed jeskludi għażliet oħra (bħal per eżempju astinenza totali jew il-metodu tal-perjodi infertili).  Hi d-deċiżjoni tal-koppja wara li jitkellemu mat-tobba u jieħdu gwida spiritwali, li jagħżlu t-triq li jridu jieħdu fil-każ u fiċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom.